Sunday, May 25, 2025

F’iktar minn 4 xhur Jeremy Harbinson baqa’ qatt ma ppreżenta ċertifikati mediċi dwar martu

Aqra wkoll

Jeremy Harbinson baqa’ qatt ma ppreżenta ċertifikati mediċi li jikkonfermaw dik li kien qal li hija l-kundizzjoni medika serja li għandha martu u li suppost qed iżżommu milli jiġi Malta. Harbinson huwa l-espert ewlieni fl-inkjesta dwar l-isptarijiet u tħallas €11-il miljun.

Martu marida serjament

Erba’ xhur ilu, fl-10 ta’ Jannar l-espert Irlandiż kien ippreżenta nota permezz tal-avukat tiegħu Peter Fenech, li sa ftit taż-żmien ilu kien imexxi l-Kummissjoni Elettorali tal-PN u li huwa sieħeb fin-negozju mal-eks Kap tal-PN Simon Busuttil. F’din in-nota Harbinson kien qal li ċ-ċirkostanzi familjari fil-preżent u fil-futur prevedibbli ma jippermettux li huwa jivvjaġġa ‘lbogħod mid-dar 

Dan in vista  tal-fatt li skont hu, l-mara tiegħu kienet għaddeja minn interventi mediċi regolari u kellha bżonn kura kostanti u assistenza u li huwa kien l-uniku persuna li kien hemm biex jieħu ħsiebha. Harbinson kien żied li ma setax jagħti data meta jkun jista’ jivvjaġġa lejn Malta. 

Tlett ijiem wara fit-13 ta’ Jannar il-Maġistrat Rachel Montebello tat jumejn ċans lil Harbinson sabiex jippreżenta d-dokumentazzjoni li ssostni r-raġuni mogħtija minnu li minħabba fiha ma setax jiġi lejn Malta indefinittivament. Fi kliem ieħor Harbinson intalab jippreżenta ċertifikati tat-tobba li juru li martu verament kienet ma tiflaħx b’mod serju.

It-tobba jgħidulu li mhux emerġenza

Ftit jiem wara, minflok ippreżenta dawn iċ-ċertifikati, Harbinson f’nota oħra mibgħuta lill-Qorti, mill-ħdid permezz tal-avukat Peter Fenech, beda jġib l-iskużi biex ikun jista’ jinjora l-ordni tal-Maġistrat Montebello. Kien qal li ma rnexxilux ikellem lit-tobba li kienu jafu bis-suppost każ ta’ martu. 

Hawnhekk iżda biddel għal kollox il-verżjoni mogħtija ftit jiem biss qabel. Għax issa qal li t-tobba ma tawhx appuntament għax fi kliemu stess intqal lilu li l-każ ta’ martu ma kienx ta’ emerġenza. Harbinson kien żied li kien intqal lilu sabiex l-ewwel imur għand tabib tal-familja, li imbagħad kellu jagħmillu appuntament għal sitt ġimgħat wara.

Eventwalment f’affidavit li ppreżenta fl-10 ta’ Frar Harbinson kien iddikjara li mhu se jiġi qatt lura lejn Malta u li mhux disponibbli biex ikun involut bl-ebda mod fil-proċeduri li għaddejin fil-Qorti. Fi Frar Harbinson kien iddikjara li r-rapport li ħejjew hu u l-esperti tiegħu qatt ma semma’ akkużi kriminali u ‘freezing orders’ u żied li fuq din il-bażi, huwa m’għandu x’jaqsam xejn mal-akkużi kriminali u l-‘freezing orders’ li inħarġu wara l-inkjesta. 

Pressjoni fuq is-saħħa mentali tiegħu

Harbinson saħaq li hu ma kellu ebda obbligu kuntrattwali biex jipprovdi iktar assistenza. Żied li matul l-inkjesta ħadd ma indikalu li wara li kien se jintemm il-kuntratt li kellhom huwa u l-esperti barranin l-oħra, kienu se jintalbu sabiex jipprovdu s-servizz tagħhom mingħajr hlas. Dan kien ikun inaċċettabbli. 

Waqt li kien spjega li xogħlu kien dak ta’ project manager u ma għamel ebda analiżi tad-dokument u l-informazzjoni li inġabret, l-Irlandiż kien informa lill-Qorti li meta l-inkjesta tal-isptarijiet ingħalqet f’Mejju 2024, huwa ċeda l-liċenzja ta’ accountant forensiku u beda l-proċess biex ixolji l-kumpanija Harbinson Forensics, fejn martu, li suppost kienet marida serjament, kienet direttur flimkien miegħu. 

Tlett xhur ilu l-Irlandiż reġa’ żeffen fin-nofs is-saħħa, din id-darba mhux biss ta’ martu iżda anki tiegħu. Fin-nota tal-10 ta’ Frar, Harbinson kien saħaq li dik li jsejjaħ bħala pressjoni li kienet qed issirlu minn Malta biex ikun involut fil-proċeduri li għaddejin fil-Qorti kienet qed taffetwa s-saħħa mentali tiegħu u ta’ martu, tant li skont huwa kellhom bżonn ħafna konsulti mediċi.

Allegatament jinqeda b’xi ħaġa li kollox jindika li ma teżistix

Esperti legalu li tkellmu ma’ IT-TORĊA qalu li l-fatt li f’iktar minn erba’ xhur Jeremy Harbinson baqa’ qatt ma bagħat iċ-ċertifikati dwar il-kundizzjoni medika ta’ martu kif talbitu l-Maġistrat Montebello, jagħti x’jifhem li l-Irlandiż qiegħed biss jinqeda’ b’xi ħaġa li allegatament mhux vera teżisti fl-attentat tiegħu li jibqa’ ma jixhidx.

Quddiem ir-rifjut totali ta’ Harbinson li jagħti x-xhieda tiegħu, kif inhu obbligat li jagħmel bħala l-espert ewlieni, il-ġimgħa li għaddiet il-Magġistrat Rachel Montebello kellha tordna lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sabiex jagħmel l-arrangamenti bil-għan li l-Irlandiz ikun sfurzat imur f’Qorti fir-Renju Unit u jixhed bil-video conference mal-Qorti f’Malta. Fl-istess seduta l-avukat Vincent Galea li qed jidher f’isem Dr Joseph Muscat reġa’ talab lill-Qorti biex jiġi żgurat li d-dokumenti mitluba lil Harbinson fit-13 ta’ Jannar ikunu ppreżentati.

Fuq il-bażi tal-inkjesta ta’ Harbinson, tressqu quddiem il-Qorti numru kbir ta’ nies fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, li qed jiffaċċjaw akkużi mill-iktar serji.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport