Għaxar persuni tilfu ħajjithom ġewwa l-Brażil wara li blat waqa’ fuq dgħajjes tat-turisti. Apparti minn hekk kien hemm 32 persuna oħrajn li sofrew ġrieħi serji waqt dan l-inċident.
Il-każ seħħ fin-Nofsinhar tal-pajjiż, f’żona li dan l-aħħar kienet maħkuma minn xita qalila. Uffiċjali tas-sigurtà li tkellmu mal-midja qalu li x-xita dgħajfet il-blat.
B’kollox kien hemm tliet dgħajjes li ntlaqtu mill-blat li waqa’. Inizjalment kien hemm 20 persuna li kienu rrapportati nieqsa iżda wara investigazzjonijiet li saru nstab li dawn kienu diġà qegħdin jingħataw il-kura ġewwa l-isptarijiet.