Din hija waħda mill-mistoqsija li staqsejna lil Prim Ministru Robert Abela waqt intervista:
L-ekonomija kibret u l-aħħar budget reġa’ kien budget soċjali ieħor li fih tħabbru għadd ta’ miżuri li jsostnu b’mod partikolari l-familji Maltin. L-investiment fih ilaħħaq €9.3 biljun. Fil-fatt, b’mod ġenerali, Budget 2026 ġie mfaħħar ħafna u huwa meqjus bħala l-aktar budget li ħalla flus fil-but tan-nies. Lil hinn mill-flus fil-but, taħseb li hemm bżonn niffukaw ukoll fuq il-kwalità tal-ħajja? Kif se taħdmu biex tilħqu l-aspettattivi ħafna aktar għoljin tan-nies?
Fil-Budgets kellna diversi miżuri biex mhux biss inżidu l-flus fil-but imma biex intejjbu l-kwalita tal-ħajja tan-nies. Biss biss kemm ilni Prim Ministru l-ħaddiema gawdew minn 19-il ġurnata leave li kieku kienu jitilfu minħabba deċizjonijiet ta’ amministrazzjonijiet oħra. Skont il-Eurostat mentri fl-2019 ħaddiem Malti bħala medja kien jaħdem 39 siegħa fil-ġimgħa, illum dan naqas għal 37 siegħa. Iż-żieda fil-pagi, r-remote working u l-flessibilità żdiedu ħafna u dan seħħ għax kellna ekonomija b’saħħitha u Gvern li ħadem biex itejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.
Ifisser li wasalna. Le. Ġustament in-nies jistennew dejjem iżjed. U hekk nieħu gost. Huwa proprju dak li huwa l-pedament tas-suċċess ta’ pajjiżna. Li l-aspettativi tal-poplu dejjem jogħlew. U huwa xogħolna l-politiċi li dawn l-aspettativi nagħmluhom realtà. Iva aħna pajjiż li mxejna ħafna ’l quddiem imma fadal aktar x’niksbu.
Qegħdin f’sena importanti fl-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma tagħna. Irridu l-familji tagħna jgħixu l-isbaħ żmien ma’ wliedhom, mal-ġenituri tagħhom u fl-isbaħ ambjent possibli. Għalhekk impenjajna ruħna wkoll li nagħmlu tliet parks nazzjonali billi nagħtu lin-nies dak li ħadilhom ħaddieħor. Fl-istess ħin iridu li jkompli jitjieb bis-saħħa d-dħul tal-ħaddiema. Fis-settur pubbliku irnexxielna inżidu l-pagi tal-ħaddiema permezz tal-aqwa ftehmiet kollettivi fl-istorja. Issa minn din is-sena se nsostnu bis-saħħa ż-żidiet fil-pagi li jagħti l-privat. Dan nistgħu nagħmluh sakemm tkompli iddur ir-rotal-ekonomika, minkejja l-isfidi internazzjonali.

