Thursday, December 11, 2025

FIL-FESTI KULĦADD GĦANDU DRITT IGAWDI B’RESPONSABBILTÀ

Aqra wkoll

F’dan iż-żmien bosta huma dawk jagħżlu li jiċċelebraw il-Milied b’festini diversi. Min jippreferi jqatta’ dan iż-żmien mal-għeżież tiegħu fid-djar jew b’xi ikliet f’ristorant u oħrajn jagħżlu riċevimenti sinonimi ma’ dan iż-żmien sabiħ. Għalhekk, l-appell tal-awtoritajiet jibqa’ mportanti illi xi ħadd, jekk se jixrob, m’għandu jsuq. Din il-kampanja ilha tisħaq fuqha Transport Malta, li kontinwament tappella għal sewqan mingħajr xorb alkoħoliku. 

Bl-għażla li ssuq lura d-dar meta tkun xurban tkun qed tpoġġi ħajtek u ħajjet ħaddieħor f’riskju kbir. Għalhekk, m’hemm l-ebda skuża jew raġuni għal min irid jagħżel li jixrob u jsuq fl-istess ħin. Il-ħajja m’għandhiex prezz u ladarba tintilef ma terġax tiġi lura.

Irrispettivament minn kemm tista’ timmaniġġja l-livell tal-alkoħol f’ġismek, il-fatt hu li jekk issuq bl-alkoħol fis-sistema tiegħek, inti f’riskju akbar li tikkawża inċident, korriment u anke mewt.

L-alkoħol għandu effett qawwi fuq il-koordinazzjoni, il-konċentrazzjoni u l-vista ta’ persuna, u kull waħda minn dawn is-sensi hija kruċjali għal min ikun qed issuq vettura. L-effett tal-alkoħol fuq dawn il-ħiliet iżidu lilek u lil oħrajn il-periklu li tiġri diżgrazzja.

Kif ċertament ġieli smajna, l-alkoħol għandu influwenza kbira fuq is-sensi umani. L-alkoħol jista’ jfixkel l-għażliet li wieħed jagħmel sal-punt li  deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu ħażin.

Fiżikament, l-alkoħol fis-sistema tal-ġisem jirreaġixxi aktar bil-mod għal ċerti sitwazzjonijiet u b’hekk iżid il-probabbiltà ta’ inċident għax is-sensi tas-sewwieq ma jirrispondux malajr għal xi ħaġa li sseħħ f’daqqa u għall-għarrieda.

Għalhekk nisħqu li l-kampanji li ħadd m’għandu jsuq jekk jixrob huma aktar minn twissija sempliċi. Huma tfakkira mhux biss tal-importanza tas-sigurtà fit-toroq imma wkoll tar-responsabbiltà li aħna lkoll għandna lejn xulxin.

Madwar id-dinja kollha l-aċċidenti fit-toroq relatati mas-sewqan u x-xorb għadhom jaħsdu eluf ta’ ħajjiet kull sena. Ħafna minn dawn it-traġedji jistgħu jiġu evitati essenzjalment permezz ta’ għarfien akbar u mġiba aktar responsabbli fis-sewqan u x-xorb.

Hija wkoll responsabbiltà tas-soċjetà biex tippromwovi kultura li x-xorb u s-sewqan ma jmorrux flimkien u għaldaqstant huwa inaċċettabbli li persuna ssuq waqt li tkun xurbana. Għalhekk, it-tgawdija ta’ xi grokk m’għandhiex tkun il-kawża li twassal għal traġedji fit-toroq.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport