Matul il-ġimgħa ta’ Santa Marija li jfisser bejn it-12 u t-18 ta’ Awwissu, il-kumpanija Gozo Channel ġarret 135,660 passiġġier u 46,740 vettura, ċifri li huma ferm simili għal dak li ġarret il-kumpanija matul l-istess ġimgħa tas-sena l-oħra.
Dan sar permezz ta’ erba’ vapuri, operat xejn inqas minn 700 vjaġġ fejn, għal xi ħin, il-vjaġġi bdew isiru anke mingħajr skeda biex tlaħħaq mad-domanda.
Matul l-istess ġimgħa, il-kumpanija Gozo Highspeed, li topera s-servizz tal-fast ferry bejn il-gżejjer, operat madwar 220 vjaġġ u ġarret madwar 28,550 passiġġier mill-Belt Valletta għal Għawdex u lura.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri qal li għal darb’oħra, din il-ġimgħa partikolari fis-sena laħqet l-aspettattivi tal-operaturi turistiċi fil-gżira Għawdxija. “Kellna kummenti pożittivi ħafna mill-operaturi turistiċi fejn ilkoll rreġistraw full capacity matul din il-ġimgħa tas-sena li hi kkunsidrata bħala l-aqwa ġimgħa tas-sajf,” qal il-Ministru Camilleri.
Huwa sostna li riżultati bħal dawn huma xhieda li l-ħidma li qed iwettaq il-Gvern qed tħalli l-frott fejn Għawdex qed jattira lejh ammont ta’ turiżmu kemm intern kif ukoll internazzjonali.
“Permezz ta’ għażla vasta ta’ attivitajiet, ikkumplimentat bil-ġmiel naturali li joffri Għawdex, qed inkunu l-għażla naturali ta’ bosta, u l-kummenti li qed nirċievu huma inkoraġġanti ferm,” temm jgħid il-Ministru Camilleri.