Fiċ-ċentri tal-lokalitajiet huwa l-post fejn il-familji Maltin, l-anzjani u t-tfal jiffurmaw relazzjonijiet imprezzabbli flimkien u għalhekk kull lokalità u komunità jistħoqqilha ambjent sabiħ u sigur. Huwa dan il-ħsieb li tul dawn l-aħħar snin xpruna l-politika tal-Gvern fejn jidħlu proġetti ta’ tisbiħ ta’ żoni pedonali, spazji miftuħa u ħodor ġodda u ż-żamma tal-indafa fil-qalba ta’ kull lokalità.
Waqt żjara lix-xogħlijiet li qegħdin isiru mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi madwar il-Kappella tat-Twelid tal-Verġni Marija (Ta’ Casha) fir-Rabat, kien imħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin, ser tkun qiegħda toħroġ sejħa pubblika għar-riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Baħrija, proġett ieħor ta’ spazju miftuħ mid-Dipartimenti tax-Xogħlijiet Pubbliċi.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia fejn enfasizza wkoll dwar kif it-tisbiħ fiċ-ċentru tal-lokalitajiet tagħna u t-titjib taż-żoni pedonali li jdawru l-wirt arkitettoniku tagħna huma essenzjali għaliex b’hekk jinħolqu komunitajiet aktar nodfa, abitabbli u kulturali vibranti.
“Fl-aħħar xhur bħala Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, ħdimna fuq xejn inqas minn 6 proġetti ta’ żoni pedonali ġodda jew riġenerati fosthom fil-Mosta, f’Ħaż-Żebbuġ, f’Ħal Kirkop u bħalissa fir-Rabat, Malta. Għaliex għandna ekonomija b’saħħitha u rridu nkomplu nibnu futur għal uliedna, għas-sena li ġejja ser inkunu qegħdin inkomplu ninvestu biex noħolqu aktar proġetti għat-tgawdija tal-komunità,” stqarr is-Segretarju Parlamentari Farrugia.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield spjega kif “dan il-Budget jgħin lin-nies b’mod individwali u jgħin ukoll lin-nies fuq livell ta’ komunità b’investiment akbar fl-indafa pubblika. Għaliex indafa pubblika tfisser ambjent isbaħ u aħjar għall-komunitajiet Maltin. Id-Diviżjoni tat-Tindif tikkopera ma’ għadd ta’ Kunsilli Lokali u entitajiet oħra governattivi biex nagħtu l-ogħla livell ta’ ambjent aħjar. Hawnhekk fir-Rabat għandna erbatax-il ħaddiem li issa draw sew il-lokalità, u li qed isaħħu l-preżenza tad-Diviżjoni fost il-komunità Rabtija. Bħalma nagħmlu hawn qed nagħmlu wkoll f’għadd ta’ lokalitajiet oħra għaliex dan huwa Gvern li jinteressah minn kulħadd.”
Is-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus laqa’ b’sodisfazzjon it-tħabbira tal-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Baħrija. Huwa stqarr kif is-sinerġija b’saħħitha bejn id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u d-Diviżjoni għall-Indafa u l-Manutenzjoni flimkien mal-Kunsill Lokali tar-Rabat, qiegħda twassal biex iċ-ċentru ta’ din il-lokalità tittrasforma u tinżamm fl-aħjar kundizzjoni possibbli.
Il-Kappella, li tinsab fiż-żona magħrufa Ta’ Għexierem, inbniet għall-ħabta tal-1550 u ġġorr sinifikat kulturali importanti għal-lokalità tar-Rabat u r-Rabtin. Wara li għal għexieren ta’ snin il-madwar ta’ din il-Kappella tħalla f’abbandun, fix-xhur li għaddew inbeda xogħol ta’ tisbiħ fosthom pavimentar ġdid u sistema ta’ dawl arkitettoniku ġdid li jikkumplimenta l-arkitettura barokka ta’ din il-Kappella.
Jakkumpanjaw lis-Segretarji Parlamentari waqt iż-żjara kien hemm il-Perit tal-proġett Kurt Sapiano u d-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għall-Indafa u l-Manutenzjoni Ramon Deguara.

