Asda u Vodafone huma żewġ kumpaniji fost oħrajn li se jkunu qed joffru skemi ġodda sabiex jgħinu lil miljuni ta’ Ingliżi li bħalissa qed jaffaċċjaw problemi biex ilaħħqu mal-kriżi kurrenti tal-għoli tal-ħajja matul dan is-sajf.
Dan hekk kif il-prezzijiet tal-ikel, il-petrol u l-kontijiet telgħu mogħla s-smewwiet. F’Ġunju li għadda l-inflazzjoni fil-Gran Brittanja laħqet id-9.4%.
Fost l-iskemi li se jkunu qed jiġu varati hemm dik ta’ Asda (supermarket) fejn it-tfal se jkunu jistgħu jixtru xi ħaġa tal-ikel mill-kafetterija bil-prezz ta’ £1 sabiex tittaffa l-problema tal-ġuħ. It-teatri taċ-ċinema f’Londra se jħallu lit-tfal jaraw West End show b’xejn ma’ kull biljett li jinxtara mill-adulti matul ix-xahar t’Awwissu li ġej, filwaqt li l-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Vodafone qed nediet offerta ta’ £10 fix-xahar għas-servizz tal-mowbajl.
L-iskemi li qed jiġu offruti se jkunu possibbli wara li l-Gvern Ingliż alloka £37 biljun bħala kampanja biex “In-nies ikunu jistgħu jiġu megħjuna f’dan iż-żmien ta’ maltemp”.
Dawn l-iskemi u l-iskontijiet mistennija li jiġu estiżi meta t-tfal jirritornaw l-iskola kif ukoll meta jkun qed joqrob iż-żmien tal-Milied — żmien meta l-ispejjeż għandhom tendenza li jiżdiedu.