Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Niftakar li sa minn tfuliti missieri dejjem kien jeħodni l-grawnd, speċjalment il-Ħadd filgħodu. Dejjem konna nqattgħu l-ħin hemmhekk peress li missieri kien involut fi klabb tal-futbol amatorjali. Minn età żgħira bdejt nitħarreġ fin-nursery ta’ Żurrieq FC, u minn dakinhar il-futbol sar parti essenzjali minn ħajti.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala kowċ fin-nursery ta’ Żurrieq FC.
Dan huwa t-tieni staġun tiegħi bħala kowċ tal-grassroots fin-nursery ta’ Żurrieq FC. Din is-sena kelli wkoll iċ-ċans li nlesti l-Liċenzja C fi ħdan l-MFA. Grazzi għat-tutors u l-coaches l-oħra li kienu parti mill-istess kors, stajt nitgħallem aktar dwar aspetti differenti tal-coaching. Minbarra l-ħin li tieħu l-preparazzjoni tas-sessjonijiet, huwa ta’ sodisfazzjon li fl-aħħar mill-aħħar tara lit-tfal jagħmlu progress fil-logħba tal-futbol u, aktar minn hekk, jieħdu gost.
Kif tqis il-livell tal-grassroots f’pajjiżna?
Nemmen li l-livell tal-grassroots qed jitjieb b’mod kostanti. Dan għaliex qed nifhmu aktar l-importanza ta’ din il-fażi fejn il-plejers jibdew jiffurmaw il-pedamenti fundamentali tal-logħba. L-inizjattiva tar-regional hubs li ħolqot l-MFA kienet pass importanti biex il-plejers jitħejjew għal-livell nazzjonali. Madankollu, għad fadal ħafna xogħol xi jsir. Meta nqisu pajjiżi oħra, il-klabbs tagħna għadhom ristretti b’diversi limitazzjonijiet. Għal fortuna, illum qed naraw aktar plejers żgħażagħ jingħataw l-opportunità li jilagħbu barra minn Malta, u din hija xi ħaġa li rridu nkomplu naħdmu fuqha.
U x’taħseb dwar il-futbol Malti fil-preżent? Kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Nemmen li l-futbol Malti żied fil-kwalità, iżda jinkwetani l-fatt li plejers Maltin qed jippreferu jilagħbu fiċ-Challenge League minflok fil-Malta Premier. Min-naħa l-oħra, min ikollu determinazzjoni u jrid jilgħab fil-Malta Premier, ikollu jżid il-livell tiegħu biex jikkompeti mal-plejers barranin li huma ta’ livell għoli.
U dwar ir-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Bħala pajjiż, għad għandna ħafna limitazzjonijiet fejn jidħlu grawnds. Hemm ċerti klabbs li għandhom faċilitajiet ta’ livell aċċettabbli, iżda l-maġġoranza għadhom limitati ħafna. Meta tqis li klabbs iridu jaqsmu l-istess ground mill-grassroots sal-ewwel skwadra, tinduna kemm għadna lura f’dan l-aspett. Hemm ukoll każijiet fejn klabbs iridu jmorru jitħarrġu f’grawnds ta’ klabbs oħra, li hija problema li teħtieġ soluzzjoni fit-tul.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Inħares ‘il quddiem biex inkompli nitgħallem aktar fil-qasam tal-coaching, għax minkejja kemm tkun taf, dejjem hemm lok għal titjib. Il-futbol dejjem jinbidel, u għalhekk trid tibqa’ kontinwament miftuħ biex titgħallem affarijiet ġodda.
X’messaġġ finali għandek għal min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol?
Ħidma u sagrifiċċju – żewġ kelmiet sempliċi biex tgħidom, iżda diffiċli biex twettaqhom, ghalkemm mhux impossibli. Fil-ħajja xejn ma jiġi b’xejn, u fil-futbol l-istess. Trid taħdem ħafna biex tikseb dak li trid. Importanti wkoll li tkun miftuħ biex titgħallem u tieħu l-aħjar minn kull persuna li tilgħab magħha. Naraw ħafna plejers b’talent li jispiċċaw jisfaxxaw fix-xejn għax ma jkunux lesti li jaħdmu u jagħmlu s-sagrifiċċji meħtieġa biex jilħqu l-għanijiet tagħhom.