Mistoqsi kemm se jdumu fuq stat ta’ alert, membru tal-Protezzjoni Ċivili ta’ Malta qalilna li dan jiddependi fuq it-temp. “Aħna qegħdin insegwu l-ħin kollu u ninsabu f’kuntatt dirett mal-Uffiċċju Meteoroloġiku u minn siegħa għall-oħra jkun qiegħed jaġġornana dwar is-sitwazzjoni. Imbagħad ix-xogħol jurik waħdu. Jiġifieri kif jibda jbatti r-riħ, se jonqsu t-telefonati”.
Fid-dawl tal-possibbiltà li jkompli dan it-temp estrem, il-kelliem tas-CPD spjegalna li fil-ħidma tagħhom, huma jimxu minuta b’minuta. Filwaqt li ma jafux kemm se ddum din is-sitwazzjoni, bħala Dipartiment se jibqgħu għaddejjin bil-ħidma sakemm hemm bżonn.
“Dawn l-affarijiet huma tan-natura imma jkun hemm studji għaddejjin il-ħin kollu. L-Uffiċċju Meteoroloġiku ta’ Malta jkunu qegħdin jagħmlu assessjar ta’ dawn l-affarijiet u meta jkollhom xi alert jgħaddu lilna,” kompla l-kelliem.

