Saturday, December 21, 2024

Fil-jiem li għaddew fil-qasam edukattiv

Aqra wkoll

Nimmaġina li ftit huma dawk li fil-jiem li għaddew ma nnotawx li l-qasam edukattiv, għall-preċiżjoni parti minnu, kien prominenti fejn jirrigwarda aħbarijiet. Kien hemm il-ftehim settorjali milħuq bejn il-Gvern u l-Malta Union of Teachers (MUT) fejn għandhom x’jaqsmu kundizzjonijiet tax-xogħol għall-għalliema u bdew jaslu r-riżultati tal-Matsec lil eluf ta’ studenti żgħażagħ. Riżultati li permezz tagħhom l-istudenti, iż-żgħażagħ, jibdew bil-mod il-mod ifasslu l-futur tagħhom.

Imma dawn ma kienux l-uniċi żewġ affarijiet li seħħew fil-jiem li għaddew f’dan il-qasam partikolari. Seħħew affarijiet li forsi ma ngħatawx il-prominenza li tixirqilhom, biex ma ngħidx li ma ngħataw ebda prominenza. Mhux għax ma jixirqilhomx prominenza, imma għax għal xi raġuni jew oħra, bihom qisu ma ġara xejn meta fil-fatt ġara ħafna.

Ħalli nispjega ruħi. Mal-ħruġ tar-riżultati li rreferejt għalihom skatta wkoll arranġament għal dawk l-istudenti li ma kisbux ir-riżultat li ħadmu għalih f’numru ta’ suġġetti. Arranġament li se jwassal biex permezz tiegħu se jingħataw B’XEJN lezzjonijiet fis-suġġetti partikolari biex l-istudenti li ma kisbux r-riżultat mixtieq ikunu jistgħu jerġgħu jagħmlu l-eżami mill-ġdid aktar tard din is-sena, matul is-sajf. Dawk magħrufin bħala resits.

Il-punt tat-tluq għandu jkun illi l-fatt li dak li jkun ma jiksibx ir-riżultat mixtieq ma jfissirx li tkun waqgħet id-dinja. Anke jekk ma jistax jingħad li min hu konċernat ma jħossux diżappuntat. Se jkunu qegħdin jingħataw lezzjonijiet illi kieku l-ġenituri tat-tfal konċernati kellhom iħallsu għalihom kienu jiswewlhom kemxa ġmielha. Servizz ieħor B’XEJN. Nenfasizza fuq B’XEJN għax inħoss li ma napprezzawx biżżejjed, jekk mhux ma napprezzaw xejn.

Il-wasla tar-riżultati tal-eżamijiet tal-Matsec jirriflettu wkoll li anke dawn l-istess eżamijiet ikunu saru B’XEJN, BLA ĦLAS. Anke din hija miżura oħra ta’ għajnuna kbira lil dawk il-ġenituri li wliedhom ikunu waslu f’dan l-istadju. Sa ftit tas-snin ilu anke għal dawn l-eżamijiet kien ikollna nħallsu. Xejn ma kien b’xejn. Forsi tafu, bħalma naf jien, b’nies li wliedhom ma qagħdux għal dawn l-eżamijiet għax ma kienx possibbli għalihom iħalsulhom, anke jekk kienu lesti jissalbu biex jagħmlu dan.

Tgħidli imma dawk affarijiet tal-passat. Tal-passat kemm trid, anke jekk qed nittrattaw passat riċentissimu. Imma trid tfakkar li faċilitajiet bħal dawn ma waqgħux mis-sema. Trid tfakkar li kellu jkun Gvern Laburista li jwettaqhom. Li jiftaħ il-bibien beraħ għal kulħadd. Mingħajr ebda distinzjoni. Għax tajjeb tfakkar li qabel Gvern Laburista daħħal din il-miżura kien hemm lok għal diskriminazzjoni, anzi kienet issir diskriminazzjoni, bejn min jista’ jħallas u min le.

Ħaġ’oħra konnessa mal-qasam edukattiv li seħħet fil-jiem li għaddew, anzi ngħata bidu għaliha, huwa li fetħu l-applikazzjonijiet għat-trasport B’XEJN għall-iskejjel għas-sena skolastika li jmiss. Trasport B’XEJN minn kull belt u raħal biex it-tfal jitwasslu l-iskola. Miżura oħra wkoll li ma waqgħetx mis-sema. Li m’ilux snin twal li ddaħħlet. Mill-ġdid minn Gvern Laburista. Sfortunatament x’nisimgħu l-aktar dwar it-trasport B’XEJN għat-tfal tal-iskejjel? Daqqa għax il-vann jiġborhom kmieni lit-tfal, daqqa għax il-vann wasal tard u sejrin. Imma sfortunatament il-kelma GRAZZI rari tismagħha.

Mhux qed ngħid li ma kienx hemm okkażjonijiet fejn il-Gvern jipprovdi statistika, ċifri, dwar kemm tfal jagħmlu użu minn dan is-servizz ta’ trasport B’XEJN u kemm tiswielu lill-pajjiż miżura bħal din. Mhux qed nitrattaw xi perjodu ta’ ħafna snin ilu meta tali trasport kien isir bi ħlas. Kull ġenitur jaf kemm qed jiffranka flus permezz ta’ din il-miżura. Imma, fl-opinjoni tiegħi, il-messaġġ mhux jittambar biżżejjed.

Nemmen li dan huwa nuqqas li għandu jkun indirizzat. Għandha tinġieb għall-attenzjoni ta’ min qed jibbenefika minn miżuri bħal dawn x’inhu l-valur finanzjarju tagħha. Kemm qed jiffranka flus kull xahar.

Meta nies tal-età tiegħi nħarsu lura lejn żminijietna ma tlumniex li nesprimu kliem bħal kemm aħna mfissdin illum. Tifhimnix ħażin: ma rridx li mmorru lura lejn żminijieti, imma rrid u nippretendi li għandu jitfakkar kemm hu sostanzjali dak li qegħdin ingawdu minnu llum. Kemm għandu jkun apprezzat. Darba kien hemm avukat, li nammiraha ħafna, li qalet li la darba lill-poplu derrajtu bil-ġobon parmeġġjan ara ma jfettillekx xi darba flok parmeġġjan tagħtih ġobon cheddar.

Imma ma naħsibx li jkun ħażin jekk meta nagħtik B’XEJN il-ġobon parmeġġjan ngħidlek ukoll kemm kien jiswielek kieku kellek tħallas għalih. Int x’taħseb?

Ekonomija

Sport