Thursday, February 5, 2026

Fil-Jum Dinji Kontra l-Kanċer… Ħajjet il-ħaddiema mhumiex negozjabbli – GWU

Aqra wkoll

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji Kontra l-Kanċer, il-General Workers’ Union Malta (GWU) ingħaqdet ma’ trejdunjins madwar l-Ewropa biex twissi li l-aġenda ta’ deregolamentazzjoni (tibdil) tal-Kummissjoni Ewropea tista’ twassal biex aktar ħaddiema — inkluż f’Malta — jiġu esposti għal sustanzi li jikkawżaw il-kanċer.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi bidliet li jagħmluha aktar faċli għall-kumpaniji biex jużaw sustanzi li huma karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR) fil-produzzjoni tal-kożmetiċi u l-fertilizzanti. Dawn is-sustanzi huma magħrufa li joħolqu riskji serji għas-saħħa tal-bniedem u ilhom soġġetti għal kontrolli stretti biex jipproteġu lill-ħaddiema u lill-pubbliku.

“Il-GWU tenfasizza li l-ħaddiema Maltin f’setturi bħall-manifattura, l-agrikoltura, il-ġbir tal-iskart, is-servizzi tat-tindif u s-servizzi tal-kura personali, inkluż il-hairdressing u s-salons tas-sbuħija, jistgħu jintlaqtu direttament minn dawn il-bidliet. Ħafna minn dawn il-ħaddiema diġà jaħdmu f’ambjenti fejn l-espożizzjoni għall-kimiċi hija realtà ta’ kuljum, u kwalunkwe tnaqqis fil-protezzjoni se jżid ir-riskju ta’ kanċer u mard serju ieħor,” qal is-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja.

F’mument meta Malta u l-Ewropa għandhom ikunu qed isaħħu l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, dawn il-proposti qed imorru fid-direzzjoni opposta u qed ipoġġu l-profitti qabel in-nies.

Hekk kif il-Parlament Ewropew qed jikkunsidra r-rapport tiegħu dwar l-hekk imsejjaħ “Chemicals Omnibus” tal-Kummissjoni Ewropea, il-General Workers’ Union qed tallinja ruħha mal-European Trade Union Confederation (ETUC) fl-appell tagħha lill-Membri tal-Parlament Ewropew biex jiddefendu s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u jirrifjutaw kwalunkwe tentattiv li jdgħajjef il-protezzjoni eżistenti.

Il-GWU tfakkar li s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma dritt fundamentali. Il-ħaddiema m’għandhomx jitħallew iħallsu b’saħħithom għal deregolamentazzjoni li tibbenefika lill-kumpaniji multinazzjonali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport