Wednesday, February 11, 2026

“Fil-karnival tista’ tkun xi ħadd li fil-verità qatt ma int”

Aqra wkoll

Raġel ta’ ftit kliem. Tista’ tgħid jekk ma tkellmux mhux se jkellmek… iżda l-kreattività ta’ Jonathan Vella hija bħal donna bla limitu.

Jitkellem ma’ dan il-ġurnal dwar l-imħabba li għandu għal dak kollu li hu kulturali, iżda b’mod partikolari għall-Karnival tan-Nadur.

“Jien inħobb kull żmien tas-sena, jekk jiġi Milied narma, fl-Għid nagħmel il-mejda tal-Appostli… iżda l-imħabba li għandu għall-Karnival hija xi ħaġa li tiżboq kull żmien ieħor.

“L-għada tal-karnival niġbor kollox f’postu, iżda nibda naħseb x’kostumi se nilbes is-sena ta’ wara,” jgħidilna Jonathan filwaqt li sostna li dan id-delizzju li għandu jiswa ħafna u ħafna flus.

Jgħidilna li “fil-karnival tista’ tkun dik il-persuna li fil-verità qatt ma tista’ tkun. Naħseb u ngħid, jien x’nixtieq inkun kieku fir-realtà u minn hemm joħorġu ħafna u ħafna ideat.”

Nistaqsu lil Vella, iżda xi jfisser għalih il-karnival hekk kif jinvesti daqshekk ħin u flus fih. Mingħajr tlaqlieq jgħidina li għalih il-karnival ifisser l-imħabba lejn il-kostumi li bihom “tieħu pjaċir int u tferraħ lill-ħaddieħor. Nieħu gost nara lin-nies jieħdu pjaċir b’dak li nkun ilbsit u anke jieħdu ritratti miegħi.”

Kostum kuljum

L-ispiża biex tagħmel kostum wieħed hija kbira aħseb u ara biex tagħmel ħames kostumi biex tilbishom għal ftit sigħat biss.

“Iva jiġu ħafna flus. Ara jien nibda nfittex ftit fuq l-internet x’inhu għaddej barra minn Malta fid-dinja tal-karnival. Tajjeb ngħidu li f’Malta u barra minn Malta hemm ħafna u ħafna persuni li jgħixu għall-karnival.

“Imbagħad meta nibda nagħżel x’se nilbes nara jekk nistax insib xi ħaġa mill-kostum minn fuq l-internet. Diffiċli ssib minn fuq l-internet il-kwalità tal-kostumi li nilbes jien. Allura mmur għand il-ħajjata u ngħidilha x’għandi f’moħħi.

“Ovjament jintagħżel id-drapp, kuluri u tibda l-ħjata. Meta imbagħad jitlesta l-ewwel wieħed imorru għat-tieni kostum biex b’hekk wara sena jkolli lesti ħames kostumi.”

Ir-Reġina u Mary Poppins

Kull kostum fih storja jgħidilna Vella, iżda naħseb l-aktar li kienu ntgħoġbu huma l-kostum tar-Reġina u dak ta’ Mary Poppins.

“Din ta’ Mary Poppins kont ilni snin naħseb biex nilbes kostum tagħha. Dej­jem kien jgħoġobni l-film u anke l-musical u minn meta kont bdejt nilbes għet xi darba nagħmel kostum tagħha u fil-fatt sar. In-nies fin-Nadur ħadu ħafna gost biha tant li mijiet ta’ persuni ġibdu ritratti miegħi.

“Jien x’ħin nara n-nies jieħdu gost, nieħu gost jien ukoll. 

“Imbagħad tar-Reġina. Dak ukoll kont ilni biex nilbsu. Meta mietet ir-Reġina Eliżabetta imbagħad bdejt naħseb aktar bis-serjetà fih,” jirrakkonta Jonathan.

Jgħidilna li issa ilu jagħmel kostumi għal dawn l-aħħar 15-il sena. “Taf int meta tkun żgħir ilibbsuk il-ġenituri u qisek taċċetta dak kollu li jagħtuk. Iżda meta bdejt nikber ridt li nagħmel xi ħaġa unika. Bdejt bil-mod biex illum wasalt hawn u għandi kostum għal kuljum.”

Din is-sena?

Nistaqsu lil Vella dwar din is-sena x’se jkun qiegħed jilbes. Iżda għal din it-tweġiba Jonathan jgħidna mill-ewwel “Issa taraw” filwaqt li jgħid li għandu ħafna xogħol sabiħ ipperparat, iżda hemm kostum partikolari li se jispikka.

Il-Mużew

Nistaqsu lil Vella wkoll dwar il-mużew li qiegħed jagħmel. Ilna nsegwu lil Vella għal diversi xhur fuq il-midja soċjali u kważi kuljum itella’ filmati dwar dak li jkun qiegħed iħejji.

Wieħed minn dawn fil-filmati jitkellem dwar il-mużew karnivalesk li għandu d-dar tiegħu stess.

“Bdejt xi għaxar snin ilu tista’ tgħid kollezzjoni ta’ maskli. Kelli żewġ maskli ta’ Venezja u minn dakinhar ’il quddiem dejjem bqajt inżid. Nista’ ngħid li f’Għawdex żgur li ħadd m’għandu kollezzjoni bħal tiegħi u Malta niddubita,” jgħid bi kburija Vella.

Jgħidilna wkoll li hekk kif jibda joqrob il-karnival jibda jarma kamra fid-dar tiegħu li “jien insejħilha mużew” għax fil-verità hija kollezzjoni kbira ta’ affarijiet marbutin mal-karnival.

“Narma din il-karma b’mod li ngawdija jien u x-xewqa tiegħi hi li din il-kollezzjoni forsi xi darba fil-verità tkun f’mużew biex titgawda mill-pubbliku…”

Żmiem il-Għid u l-festi

Ma’ Vella ma stajnix ma nistaqsuhx dwar żmien il-Għid.

“Wara l-karnival kif għetlek nibda naħseb mill-ewwel għas-sena ta’ wara, iżda narma wkoll il-mejda tal-appostli u anke xi vari tal-Ġimgħa l-Kbira… Imbagħad il-festi… Indur kull festa u nxandar ħafna filmati fuq il-midja soċjali biex min qiegħed id-dar ikun jista’ jgawdi wkoll.”

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport