Thursday, December 26, 2024

Fil-karozza ta’ Adrian Agius instabet il-kokaina u sustanzi li jitħalltu mal-eroina – xhieda fil-Qorti

Aqra wkoll

Droga kokaina u taħlita ta’ sustanzi użati bl-eroina nstabu ġewwa karozza ta’ Adrian Agius. Dan ħareġ mill-Qorti hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra erbat irġiel akkużati b’involviment fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop.
L-akkużati huma l-aħwa Adrian u Robert Agius magħrufa bħala Tal-Maksar, Jamie Vella u George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż.
L-espert tal-Qorti Godwin Sammut xehed quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li trab kannella li nstab fil-karozza ta’ Agius irriżulta li kien taħlita ta’ paracetamol u kaffeina. Huwa qal li dawn is-sustanzi spiss jintużaw fil-bejgħ tal-eroina.
Sammut spjega li huwa kien mitlub janalizza tliet boroż li kien fihom kien hemm trab suspettat li huwa sustanza lleċta.
L-espert spjega li t-trab kannella ċar l-ewwel għadda minn test ta’ screening li indika li l-eroina tista’ tkun preżenti, iżda li aktar testijiet ipprovdew riżultat negattiv għall-eroina. Iż-żewġ boroż l-oħra kien fihom total ta’ 4.08 grammi ta’ kokaina b’purità ta’ 22%.
Intant, fl-istess seduta xehdu wkoll diversi persuni oħra fosthom l-Avukat Louis Degabriele li jirrappreżenta l-Bank BOV, rappreżentant ta’ GO, u inġinier li ta stima lill-karozzi tal-akkużati.
Il-Qorti semgħet li l-vetturi inkwistjoni kienu jlaħħqu l-valur ta’ bejn it-€38,000 u €90,000 kull waħda, biex laħħqu b’kollox il-€260,000.
Il-każ ikompli fit-18 ta’ Ottubru li ġej.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat George Camilleri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjun mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispetturi Shawn Pawney u Wayne Camilleri. L-Avukati Alfred Abela u Rene’ Darmanin qed jidhru għall-aħwa Agius u Jamie Vella. L-Avukat William Cuschieri qed jidher għal George Degiorgio.

Ekonomija

Sport