Minn Cristian Muscat
Fil-jiem li għaddew Team Gozo kiseb suċċess partikolari fl-International Island Games 2025 f’Orkney, l-Iskozja. Fost dawn hemm l-atleta Għawdxi Matthew Xuereb li flimkien mal-atleti sħabu kisbu suċċess fl-atletika. Huwa tana iktar dettalji.
Din kienet it-tieni darba li Għawdex ħa sehem fl-International Island Games. Kienet ukoll it-tieni darba li personalment ħadt sehem fid-dixxiplina tal-atletika, l-istess dixxiplina li ili nitħarreġ fiha ‘l fuq minn 11-il sena.
Proprju wara d-debutt fi Guernsey sentejn ilu, din id-darba dawn il-Loghob saru f’ Orkney, gżira żgħira ta’ madwar 22,000 elf ruh. Hija gżira li proprju tifforma parti mill-arċipelagu tal-Iskozja. Hija gżira mżejna b’ambjent naturali mill-isbaħ.
Hemmhekk laqgħuna tajjeb hafna u kienu wkoll Logħob organizzat tajjeb ferm, b’faċilitajiet sportivi mill-aqwa fejn deher li l-poplu ta’ din il-gżira qam verament għall-okkażjoni.
Fuq nota personali, jien ipparteċipajt fin-Nofs Maratona li kienet skedata proprju fl-aħħar gurnata li fihom kienu qegħdin jiġu organizzati dawn il-Loghob. Din kienet titlob attenzjoni doppja għax filwaqt li ridt nibqa’ għaddej bit-taħriġ sal-aħħar mumenti, ridt nagħmel li nista’ biex nibqa b’saħħti u ‘l boghod mill-mard kemm jista’ jkun. Ir-riżultati fl- isport tagħna jiddependu ħafna minn aspetti esterni bħal dawn.
Ir-rotta tan-Nofs Maratona kient waħda teknika mmens u anke impenjattiva. Wieħed kellu jiġri ċirkwit għal erba’ darbiet li kien jinkludi mil sħiħ kull darba b’telgħa wieqfa biex imbagħad fl-aħħar ir-rotta tieħdok ġewwa l-Pickaquoy Stadium fejn tintemm it-tellieqa.
Kien hemm atleti ta’ livell għoli ħafna, peró dan konna nafuh peressli diġá kellna esperjenza minn sentejn qabel. Flimkien mal-atleti sħabi, Charlton Debono li wkoll ġera ġirja impekkabli fejn spicca fit-tieni post, u Isaac Attard, atleta bravissimu u dedikat immens irnexxielna niksbu t-tieni post bħala tim u għalhekk irbaħna l-Fidda.
Fl-ewwel post, rebħa mistħoqqa għall-Gżejjer Faroe filwaqt li Guernsey bi tliet atleti abbli tagħha spiċċaw fit-tielet post bħala tim u ħadu l-bronż.
Kull suċċess, speċjalment f’dan il-livell, ikun hemm warajh ħafna ħidma u sapport minn ħafna nies differenti. Nistqarr li emminna mill-bidu li stajna naslu għal dan it- tragward u ħdimna ħafna għalih kemm mentalment u anke fiżikament. Kien hemm għaqda kbira bejnietna u dan kien wieħed mill-fatturi li bla dubju rriżulta f’dak ir-riżultat li xtaqna.
Fuq nota personali, meta tlajna fuq dak il-podju, kien mument emozzjonanti ħafna li żgur li mhux se ninsih qatt. Fil-karriera tiegħi kelli ħafna rebħ u tlajt fuq ħafna podji differenti, iżda dan kien wisq speċjali u bla dubju l-aktar wieħed importanti. Meta tkun qed tirrapreżenta lill-gżira li rabbietek u jirnexxielek tagħtiha xi ħaġa lura, hija ħaġa ‘fulfilling’ immens!
Minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-Ministru għal Ghawdex, l-Onorevoli Clint Camilleri, is-Sur Ruben Cassar, kif ukoll lill-membri tal-Gozo Island Games Association speċjalment lil Kevin Azzopardi u Jonathan Barbara, Media, Grupp Mediku u fiżjoterapisti, il-kowċ tiegħi u anke sponsors personali kif ukoll u fuq kollox lill-familja tiegħi tas-sapport kontinwu.
Il-ħidma għal sentejn oħra diġá bdiet, fejn dawn il-Logħob huma skedati li jsiru fil-Gżejjer Faroe. Jien se nkun qiegħed naghmel minn kollox biex nerġa’ nkun hemm u determinat li jekk Alla jrid inkun b’saħħti biex nitħarreġ biex inkun fl-aħjar forma possibli.
Jekk il-possibiltá ma tkunx hemm, ninsab kommess li nagħmel minn kollox biex inkun ta’ spalla għal dawk li jirrapreżentawna u noffri s-sapport kif inkun mitlub u meħtieġ. Għal Għawdex tagħna, nagħmlu kollox!