Thursday, December 26, 2024

“Fil-kostruzzjoni, il-kelma kwalità trid tibqa’ u trid iżżid l-importanza tagħha”

- il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi

Aqra wkoll

Waqt li kien qed jindirizza konferenza dwar l-andament tal-propjetà u l-kostruzzjoni f’pajjiżna organizzata mill-KPMG b’kollaborazzjoni ma’ Property Malta Foundation il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq li fis-settur tal-kostruzzjoni l-kelma kwalità trid tibqa’ u trid iżżid l-importanza tagħha. Huwa enfassizza li l-proġetti li nagħmlu jkunu ta’ kwalità aħjar, ta’ kwalità għola b’mod partikolari l-impatt li jagħmlu waqt li jkunu qed isiru. Id-direzzjoni ewlenija għas-settur tal-kostruzzjoni tista’ tiġborhom f’żewġ kelmiet not more but better – mhux aktar imma aħjar.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi sostna li d-destinazzjoni f’dak kollu li nagħmlu jrid ikun ibbażat fuq kwalità għola. Huwa rrikonoxxa li pajjiżna f’dawn l-aħħar snin esperjenza żvilupp mingħajr l-ebda precedent. Dan kollu juri li kellna bidla radikali fil-volum, fl-attività iżda żgur hemm mistoqsijiet serji b’mod partikolari mill-pubbliku inġenerali dwar il-mod kif isiru l-affarijiet. U l-bażi ta’ kollox għandu propju jkun iffukat fuq dan, tenna jgħid.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li kull min jagħmel żvilupp m’għandux ikun biss impenjat fil-ħsieb tiegħu dwar dak l-iżvilupp imma dwar l-impatt li dan se jħalli fuq il-madwar. Huwa sostna li l-Gvern huwa impenjat illi fejn jidħol il-qasam tal-estetika, ikompli jaħdem flimkien mal-Awtorità tal-Ippjanar biex naraw kif ikollna policies b’viżjoni, azzjoni aktar ċara biex intejbu l-livell tal-estetika fl-iżvillup.

“Is-settur tal-kostruzzjoni u l-iżvilupp ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejh bħala għan fih nnifsu. Irridu nħarsu lejh bħala servizz għall-ġid ta’ pajjiżna. U naħseb fiż-żmien li ġej din id-diskussjoni trid tkun aktar iffukata biex l-ewwel nett nifhmu aħjar dak li għandna, nifhmu aħjar x’qegħdin nippjanaw għaż-żmien li ġej”, tenna jgħid.

“Dak li qegħdin infasslu jrid jittieħed f’kuntest ta’ dawk li se jkunu l-ħtiġijiet għaż-żmien illi ġej”

Huwa qal ukoll li l-Awtorità tal-Ippjanar waslet fl-aħħar fażijiet tagħha fit-tfassil tar-rapporti marbuta mal-ISPED. Dan se jagħti idea ċara dwar is-sitwazzjoni kif inhi u dwar dak li qed jiġi mbassar u infassal għas-snin li ġej se jkunu qafas importanti lejn fejn irridu nieħdu d-diskussjoni tagħna.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi saħaq li fl-1 ta’ Novembru seħħet bidla li kienet ilha tinħass il-ħtieġa tagħha. Din it-tranżizzjoni ser twassal biex ikollna għall-ewwel darba f’pajjiżna l-liċenzjar tal-kuntratturi.

“Biex persuna jaħdem f’dak li għandu x’jaqsam ma’ bini, t-twaqqigħ u tqattigħ, persuna jrid japplika mal-BCA biex ikun jista’ jkompli jaħdem. L-applikazzjonijiet li daħħlu tawna ċifri li qabel ma kellniex, tawna ċifri ta’ kemm hemm entitajiet u individwi li jridu joperaw f’dan is-settur. Meta wieħed iqis illi f’dan iż-żmien ta’ applikazzjonijiet daħlu 3,793 applikazzjoni, wieħed hemm hekk jinduna n-numru sostanzjali ta’ operaturi f’dan is-settur”, sostna l-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Huwa qal li d-diskussjoni kbira fejn jidħol il-liċenzjar tal-kuntratturi żgur li provdiet stampa aktar ċara ta’ fejn ghandna nirrevedu u fil-fatt qed jiġi rivedut fost oħrajn dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjoni tal-assigurazzjoni.
 

Ekonomija

Sport