Friday, November 22, 2024

“Fil-pandemija tgħallmu japprezzaw aktar lill-qraba”

Aqra wkoll

Jgħid dan Fr Mario Attard, il-kappillan ta’ l-isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo

Minn Victor Vella

Għaxar xhur ta’ pandemija li smajna ħafna dwar l-isptarijiet tagħna u r-restrizzjonijiet li ttieħdu fihom. Restrizzjonijiet intiżi biex jippoteġu fost oħrajn lill-istess pażjenti.  Ma kienx żmien faċli fl-isptaijiet. L-isptar tal-onkoloġija Sir Anthony Mamo ma kienx eċċezzjoni. Fi kliem il-kappillan ta’ dan l-isptar Fr Mario Attard, il-qtiegħ il-qalb tal-pazjenti kien xi ħaġa li jispikka. Qtigħ il-qalb mhux ġej biss mill-mard imma anki minħabba l-firda u r-restrizzjonijiet fil-kuntatt mal-qraba u familjari. Fr Mario jenfasizza li imma minkejja dan kollu,  ħarġet ukoll tagħlima. Dan għax bil-pandemija u r-restrizzjonijiet, il-pazjenti bdew japprezzaw ferm u ferm aktar iż-żjarat tal-qraba tagħhom.  Għal perjodu twil, ir-rwol tal-familjari spiċċa ħadu l-kappillan tal-isptar,  li żied iż-żjajjar tiegħu u l-ħin li jqatta’ ma’ dawn il-pażjenti, li minn naħa tagħhom ma naqsux li jiftħu qalbhom miegħu dwar il-biżgħat, it-tħassib u fuq kollox ix-xewqat tagħhom.

Fr Mario jitkellem dwar b’mod ċar ma’ Inewsmalta dwar l-Isptar Sir Anthony Mamo u jgħidilna li “nista’ ngħid li fejn tidħol il-pandemija f’dan l-isptar ma kellniex każijiet. Ħadna l-prekawżjonijiet kollha. Konna fuq alert il-ħin kollu xorta waħda. Dan ifisser li konna nilbsu l-maskra u l-visor.  Dan biex il-virus inżommuh il-bogħod”.

“Matul il-pandemija, ngħid li f’dan l-isptar għext il-qsim il-qalb. Qed nitkellem fuq qsim il-qalb mhux li jġib miegħu biss il-mard imma qsim il-qalb lil-pażjenti ma setgħux ikollhom familjari li jżuruhom. Din iebsa wisq għalihom kienet. It-tbatija u l-qsim il-qalb kont tarah fuq wiċċ dawn il-pazjenti. Tħoss ħafna għalihom. Ridt nagħmel il-parti tiegħi, żgħira kemm hi żgħira. Żidt il-viżti kemm nista’. Kont inżomm id-distanza soċjali, imma għallinqas kien ikun hemm xi ħadd ħdejhom”.

Fr Mario jenfasizza li “l-pażjenti weġgħu ħafna minħabba r-restrizzjonijiet li kellhom jittieħdu minħabba l-virus.  Kienu jitkellmu miegħi u kienu joħorġu l-weġgħat. Ngħid li minkejja li tisma’ dawn il-weġgħat tal-qsim il-qalb, għalija kienet esperjenza pożittiva. Kellna iċ-ċans nitkellmu. Meta kienu  jitkellmu miegħi kienu jitkellmu fuq affarijiet li forsi meta kollox kien normali ma kinux jagħtu kashom. Il-fatt li l-familjari kienu l-bogħod dawn il-pazjenti,bdew japprezzaw aktar kemm kienu importanti iż-żjarat tal-familjari”.

“Dan hu l-aspett pożittiv li nara. Kemm bdew japprezzaw aktar il-kuntatt mal-familjari. Kien hemm pazjenti li anke bdew jużaw it-tablets biex jagħmlu kuntatt u jitkellmu”, jisħaq Fr Mario.

“Kelli esperjenza ma’ persuna qed tmut … għamilna kuntatt u tlabna mill-kunvent”

Ma jonqosx li jsemmi l-esperjenzi li kellu matul il-pandemija f’dan l-isptar. “Kelli esperjenza mhux tas-soltu. Għamlu kuntatt miegħi għax kien hemm persuna qed tmut. Jien dakinhar kont il-kunvent. Imma rajt kif għamilt u  anki mill-kunvent xorta għamilna kuntatt u  tlabna ma’ din il-persuna.  Il-persuna spiċċat mietet, imma tħoss dak is-serħan li lil din il-persuna fl-aħħar ta’ ħajjitha tlabna magħha. It-teknoloġija għenet ħafna f’mumenti bħal dawn. Lil din il-persuna anki tajtha l-barka permezz tat-teknoloġija”, jirrakkonta Fr Mario.

Minkejja r-restrizzjonijiet il-kura pastorali baqgħet għaddejja

“Ngħid li minkejja ir-restrizzjonijiet li kellna niffaċċjaw, u dan għall-ġid tagħna u tal-pażjenti, il-kura pastorali baqgħet għaddejja. Ma waqfitx. Anki l-quddiesa baqgħet issir. Issa jidher li se nibdew ħerġin bil-mod il-mod minn din il-pandemija. Għandi fiduċja. Nemmen li anke meta noħorġu minn din il-pandemija, mhux se ninsew is-sagrifiċċji li għamilna. Nemmen li se nieħdu ħafna tagħlimiet minn din l-esperjenza. Nemmen li se nibdew nitrattaw lil xulxin b’aktar għożża.”

“Hawn titgħallem kemm hi sabiħa l-ħajja”

Fr Mario jgħidilna li ‘f’dan l-isptar nitgħallem kemm hi sabiħa l-ħajja. Hawn napprezzaw aktar lil xulxin.  Hawnhekk is-servizz li nagħtu hu wieħed kontinwu. Jien nagħmel hawn mit-Ħamis sat-Tnejn. Noqgħod hawn ukoll. Dawn huma erbat ijiem xogħol minn filgħodu sa filgħaxija. Nibda mis-6.00 ta’ filgħodu u nibqa’ sejjer sa filgħaxija. Inżur il-morda u nitkellem magħhom. Tara l-bżonnijiet. Jiftħu qalbhom miegħek. Ix-xogħol hu imprezzabbli. Mill-esperjenza ngħid li l-ebda mediċina klinika ma tista’ tissostitwixxi  dak  li nagħmlu aħna mil-lat pastrorali.”

“Il-familjari jilqgħu b’sodisfazzjon kbir ix-xogħol tagħna.  Ikun hemm min tgħid ma’ dan naslu sa hawn. Imma japprezzaw ħafna.   Ikolli każi fejn ma’ pażjent tagħmel viżta ta’ siegħa u nofs. Viżta b’saħħitha.   Jien il-Mulej għallimni waħda mix-xogħol f’dan l-isptar. Tgħallimt li min jippjana jixkana. F’dak l-isptar ma tippjanax. Hemmhekk anki l-arloġġ tal-idejn jieqaf. Hemmhekk imbagħad jibda jaħdem arloġġ ieħor li ma jidhirx”, jgħidilna Fr Mario.

“Meta nitħalltu ma’ xulxin nitgħallmu ħafna”

Il-kappillan ta’ l-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, jgħidilna li “minn dan l-isptar titgħallem ħafna. Meta l-bniedem jitħallat ma’ xulxin jitgħallem ħafna. Lili in-nies jagħmluni kappillan hemmhekk. Nitgħallem ħafna mingħandhom. Tul din il-pandemija nista’ ngħid li ħadt ir-rwol tal-familjari. Il-pażjenti minħabba ċirkostanzi diversi ikunu jridu lil xi ħadd viċin tagħhom. Ikunu iridu xi ħadd viċin biex jiftħu qalbhom. Jitkellmu miegħek dwar xi jkun għaddej minn moħħhom. Xi jkun qed jinkwetahom. Il-biżgħat li għandhom. Isemmulek it-tamiet tagħhom. X’jixtiequ.”

Fr. Mario jieqaf għal ftit. Titlaq it-tbissima minn fuq fommu. “Tgħallimt matul il-pandemija li l-pażjenti bdew iħossu li għandhom jgħidu affarijiet li lanqas lill-familjari ma kienu jgħiduhom. Kull bniedem iġorr miegħu sigrieti, li ma jistax jitkellem fuqhom b’mod miftuħ. Ħafna drabi lanqas lill-familjari ma jgħiduhom. Imma jaraw lill-patri għaddej u jsejħuli, jew jagħmluli sinjal. U jien inmur ħdejhom u jitkellmu. Aħna għandna l-vantaġġ tas-sigriet fis-sagrament tal-qrar.  Aħna bla għajnejn u bla widnejn”.

“Aħna hemmhekk il-prinċipju tagħna hu wieħed. Dak li nkunu viċin in-nies. Din hi ukoll xewqa tal-Papa Franġisku.  Nippruvaw naraw lil kulħadd. Mhux biss lil dawk tas-swali, imma anke in-nies li jkun hemm fil-kurituri, in-nies fl-uffiċini u anke dawk li jiġu għal ġurnata biss. Qed naħdem l-istess sigħat li kont naħdem fl-Isptar Mater Dei.  Is-sejħiet huma inqas imma ix-xogħol hu ħafna u ħafna akbar. Il-Mulej għamilna ftit boċċu u allura niflaħ għal aktar xogħol”, jgħidilna bid-daħka Fr Mario.

“Trid taqta’ ftit biex tistrieħ”

Nitkellmu miegħu dwar il-lejl f’dan l-isptar u jgħidilna li ‘nissejħu ukoll bil-lejl. Ġieli jsejħulek biex tagħmel griżma. Mumenti iebsin. Toqgħod imbagħad ftit magħhom ukoll. Il-ġurnata hi twila imma  xi ħin trid tara li tieħu l-mistrieħ tiegħek. Tmur tagħmel passiġġata. Ikollok dak il-ftit ħin għalik hu importanti”, jisħaq Fr Mario.

Itemm jgħid li “irrid nirringrazzja lill-awtoritajiet għax dan is-servizz li aħna noffru qed ituh impotanza. Qed jimbuttawh u jirrikonoxxu l-ġid li joħroġ minnu.”

Fr Mario isemmielna kif issa f’dan l-ispar hemm relikwa ta’ San Leopoldu Mandic, patri Kappuċċin li hu protettur ta’ dawk morda bil-kanċer. Dan il-qaddis ħadem ħafna għall-għaqda bejn il-Knisja Kattolika u dik tal-Lvant. 

Sport