Fil-Parlament tqajjem il-każ jekk f’pajjiżna hawnx cartel fis-suq tad-dijżil u l-LNG. Filfatt kien id-Deputat Nazzjonalista, Joseph Ellis li staqsa x’azzjoni qed jieħu l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni sabiex jiżgura li s-suq tad-diesel u tal-LPG ikunu kompetittivi. Staqsa jekk il-Ministru konċernat jaħsibx li għandha ssir investigazzjoni jekk hux qed jiġi operat cartel kontra l-liġi f’dawn is-swieq ġaladarba l-fornituri kollha qed ibiegħu l-prodott bl-istess prezz.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Clayton Bartolo, qal li “l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni minn dejjem kien attiv biex jassigura li s-swieq tad-dijżil u tal-LPG ikunu aktar kompetittivi. Dan jixhduh diversi każijiet fejn l-Uffiċċju ħa azzjoni sabiex d-distribuzzjoni tal-gass bieb bieb ma tkunx limitata għal numru limitat ta’ operaturi u b’hekk il-konsumatur ikollu aktar għażla. L-Uffiċċju ħareġ ukoll deċiżjoni ta’ ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni fis-suq tad-dijżil fejn kien stabbilixxa li kien seħħ dak li jissejjaħ resale price maintenance, fejn skont l-Uffiċċju kienet saret pressjoni biex pompa tal-petrol tbigħ id-dijżil bil-prezz li xtaq id-distributur a skapitu tal-konsumatur.”
Tenna li “l-fatt li prodott jinbiegħ bl-istess prezz mill-kompetituri ma jfissirx li huwa riżultat ta’ cartel. Wieħed irid jifhem l-irwol ta’ dak li jissejjaħ ‘market transparency’ fejn l-istess prezz ma jkunx neċessarjament riżultat ta’ ftehim bejn il-kompetituri, iżda frott tat-trasparenza tal-prezzijiet fis-suq.
Ta’ min jinnota li l-prezzijiet taċ-ċilindri tal-LPG tal-kumpanija ewlenija li tissuplixxi ċ-ċilindri tal-gass jinstabu kemm fuq il-websajt tagħha kif ukoll fuq il-websajt tar-regolatur għas-servizzi tal-enerġija u l-ilma. Il-prezzijiet tad-diesel ta’ kumpanija ewlenija f’dan is-suq jiġu mħabbra b’mod pubbliku, kif ukoll il-prezzijiet huma viżibbli għal kull min jieqaf għand xi pompa li tbiegħ il-karburant. Dan iwassal biex operatur faċilment ikun jista’ jimxi mal-prezzijiet mingħajr l-ebda forma ta’ ftehim bejn il-kompetituri. Dawn il-karatteristiċi fis-suq iwasslu biex ikun hemm dak li jissejjaħ concsious parallelism, li ma hija xejn ħlief imġieba parallela u mhux riżultat ta’ xi ftehim antikompetittiv. Jekk min-naħa tiegħu l-Onorevoli Interpellant għandu xi tip ta’ informazzjoni fejn l-istess prezzijiet huma riżultat ta’ xi ftehim bejn il-kompetituri, nitolbu jinforma lill-Uffiċċju b’dan biex titwettaq kwalunkwe investigazzjoni li hemm bżonn.”