Il-festa tal-Kunċizzjoni tiġi ċċelebrata wkoll f’waħda mill-eqdem knejjes li hemm ġewwa Għawdex hija bla dubju dik il-kappella tal-Kunċizzjoni li hemm ġewwa l-Qala.
Din il-knisja hija qadima ħafna, u ħadd ma jaf eżatt meta nbniet. Dokumenti juru li dan il-post kien post ta’ devozzjoni kbira anke sa minn żmien il-ħakma tal-Arab bejn is-sena 870 u 1091. Jingħad li meta kien Malta l-Konti Ruġġieru kien jiġi f’dan it-tempju biex jitlob. Xi studjużi jaħsbu li dan it-tempju ġie mibni fuq tempju ieħor pagan ta’ qabel il-Kristjaneżmu.
Waqt żjara pastorali li għamel il-Viżitatur Appostoliku il-Monsinjur Pietru Dusina fl-1575, din il-kappella sabha fi stat ħażin ħafna wara li kienet ġiet attakkata għal diversi drabi mit-Torok li kienu jinżlu l-art f’Għawdex. Għaldaqstant il-knisja ġiet ipprofanata u magħluqa.
Originarjament din il-kappella kienet iddedikata lill Assunzjoni ta’ Marija – Santa Marija tal-Qala -, imma fl-1615, l-Isqof Cagliares biddel id-dedikazzjoni u t-titular ta’ din il-kappella ċkejkna għal dik tal-Immakulata Kunċizzjoni.

