Monday, September 22, 2025

“Fil-qalba ta’ kull deċiżjoni hemm il-vulnerabbli” – Alfred Grixti – Kap Eżekuttiv tal-FSWS

“Kull budget li jiżdied, kull servizz ġdid, kull professjonist li nħarrġu, dawn kollha huma għodda biex nagħtu lil xi ħadd ieħor ċans aħjar fil-ħajja”

Aqra wkoll

“Fil-qalba ta’ kull deċiżjoni hemm il-bniedem vulnerabbli. Kull budget li jiżdied, kull servizz ġdid, kull professjonist li nħarrġu, dawn kollha huma għodda biex nagħtu lil xi ħadd ieħor ċans aħjar fil-ħajja. Dik hi l-viżjoni tiegħi u se nibqa’ naħdem biex nara li l-FSWS tkompli tissaħħaħ.”

Qal dan il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti f’kummenti ma’ dan is-sit dwar x’qed jistennew għall-Budget 2026. 

“Minn sena għall-oħra, il-budget tagħna dejjem kien jiżdied. Meta nħares lura lejn il-bidu, fl-2012, l-allokazzjoni kienet ta’ biss 735,000 ewro. Illum qed nitkellmu fuq aktar minn 41 miljun ewro. Dan hu trend konsistenti li juri kemm il-Gvern qed jagħti prijorità lis-settur soċjali, u jiena nittama li wkoll fil-Budget li ġej ikollna żieda sostanzjali oħra,” tenna Grixti.

Huwa qal li l-filosofija hi li l-ġid ekonomiku għandu jissarraf fil-livell kollu tas-soċjetà. Dan hu wkoll il-messaġġ li l-Prim Ministru Robert Abela għamel f’dawn l-aħħar ġimgħat, meta enfasizza li l-politika soċjali tibqa’ prijorità f’soċjetà li qed tgawdi minn tkabbir ekonomiku qawwi.

“Aħna parti mill-istruttura tal-Ministeru għall-Politika Soċjali u għalhekk meta l-budget jiżdied, dan jissarraf f’aktar mezzi u riżorsi biex nistgħu nkopru aktar familji vulnerabbli. Għamilna objettivi ċari, u jekk nibqgħu fuq l-istess linja bħas-snin preċedenti, jiena ottimist li se nkomplu naraw żidiet sostanzjali speċjalment meta għandek parti mis-soċjetà li tesperjenza diffikultajiet kbar.”

F’punt iktar personali, Grixti qasam mal-qarrejja ħsibijietu dwar kif inbidlet is-soċjetà Maltija f’dawn l-aħħar snin. “Ma nistgħux ninjoraw li llum aħna parti minn villaġġ globali. Hemm kultura ta’ egoiżmu li qed tikber mad-dinja kollha, u inevitabbilment qed tinfluwenza wkoll lilna. Meta tara l-midja internazzjonali, ħafna drabi tiċċelebra lil min jagħmel miljuni u mhux lil min jgħin lill-oħrajn. Din hi realtà li ma nistgħux nevitawha. Mhux realtà li lili togħġobni iżda inutli taħrab minnha. Jien nagħmel minn kollox biex ngħin lill-batut għax dejjem hekk ġejt mgħallem u niċċelebra l-għajnuna u s-solidarjetà.”

Iżda fil-fehma tiegħu, Malta għadha b’saħħitha fuq livell ta’ solidarjetà. “Għad għandna ħafna nies li jgħinu lil ħaddieħor. L-isfida hi li nżommu dan l-ispirtu ħaj, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Illum in-nota li bosta studenti qed jagħżlu l-qasam tas-social work fl-università – sinjal li hemm min għadu jemmen fil-valuri tal-altruwiżmu u tal-ġustizzja soċjali.”

Bħala persuna li jsegwi l-iżviluppi politiċi internazzjonali, Grixti jħoss li Malta mhix iżolata. Isemmi eżempji ta’ pajjiżi fejn il-politika ekonomika qed tħalli effett dirett fuq il-benesseri tas-soċjetà.

“Meta tara l-Istati Uniti, għandek figuri bħal Bernie Sanders li jipproponu politika alternattiva għal-linja ta’ Trump. Fl-Arġentina għandek gvern tal-lemin li ddeċieda li l-fejqan ekonomiku għandu jkun permezz ta’ awsterità, u għalhekk naqqas drastikament mill-parti soċjali. Din hi xi ħaġa li tagħtini ċertu tħassib: meta l-egoiżmu u l-kalkolu finanzjarju jiddeċiedu qabel il-bżonnijiet tal-bniedem.”

Għalih, dawn l-eżempji huma twissija wkoll għal pajjiżna. “Jekk irridu soċjetà b’saħħitha, irridu nżommu l-investiment fil-qasam soċjali bħala prijorità, mhux bħala spiża sekondarja. Jien fiduċjuż u persważ li l-gvern jibqa’ jagħti diversi inċentivi lil din is-sezzjoni tas-soċjetà.” 

Wieħed mill-proġetti li Grixti ilu jimbotta hu l-ħolqien ta’ faċilità ċentrali fejn jinġabru flimkien is-servizzi kollha tal-FSWS. Skontu, dan iwassal għal effiċjenza akbar, tnaqqis fl-ispejjeż u anke servizz aktar aċċessibbli għall-pubbliku. 

“Illum il-ġurnata għandna servizzi mifruxa f’lokalitajiet differenti. Dan hu tajjeb għax joħloq qrubija mal-komunità, imma fl-istess ħin jinvolvi ħafna ħin u riżorsi fil-vjaġġi u fil-koordinazzjoni. Faċilità waħda ċentrali tagħmilna aktar effettivi u ttejjeb ukoll il-kooperazzjoni bejn it-timijiet.”

Hu qed jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ faċilità ċentrali fejn is-servizzi kollha jkunu taħt saqaf wieħed. Huwa spjega li bħalissa hemm sfida ta’ firxa ġeografika, għax is-servizzi huma mifruxa f’diversi lokalitajiet.

“Matul il-pandemija għamilna studju intern u sibna li fi xahar wieħed biss intilfu aktar minn 46,000 siegħa fit-trasport,” qal Grixti, li semma wkoll li l-bini li fihom jinsabu l-agenziji bħal Appoġġ u Sedqa huma antiki u mhux sostenibbli.

Grixti żied jgħid li l-FSWS qed jaħdem mal-gvern biex jara li jinħoloq “one-stop shop” li jtejjeb ukoll il-kooperazzjoni bejn is-servizzi.

Rigward it-tagħbija fuq il-ħaddiema soċjali, Grixti qal li l-medja hi ta’ 25 każ kull wieħed, u li l-għan hu li jiżdiedu aktar professjonisti fil-qasam. Huwa rrimarka wkoll li llum l-FSWS toffri progress fil-karriera sal-ogħla skala u li l-fondi għall-NGOs telgħu minn €2.6 miljun fl-2012 għal aktar minn €22 miljun illum.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport