Monday, November 18, 2024

“Fil-verità l-iktar li beda jitlef kien il-Korp u mhux iż-żgħażagħ”

Theo Vella mill-GWU iħeġġeġ lill-Ministru biex jagħti l-istess direzzjoni f’postijiet tax-xogħol oħra.

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Minn din il-ġimgħa l-membri tal-Korp tal-Pulizija jistgħu jkollhom tattoo basta dan ikun skont il-policy ġdida li tindika l-partijiet tal-ġisem fejn jistgħu jkunu kif ukoll il-ġeneru tal-istess tattoos. 

Din l-aħbar intlaqgħet tajjeb ħafna minn Theo Vella, is-Segretarju għall-Forzi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u tal-Infurzar tal-Liġi tal-General Workers’ Union (GWU). Vella f’kumment li ta lil Talk.mt sostna li mhux talli jaqbel ma’ din il-policy il-ġdida, talli jħeġġeġ lill-Ministru jagħti direzzjoni ħalli din tkun applikata f’aktar postijiet tax-xogħol. Dan minħabba li fil-verità l-iktar, li beda jitlef kien il-Korp u mhux iż-żgħażagħ. 

Uffiċjali tal-Pulizija li diġà kienu fil-Korp u kellhom tattoo sa jumejn ilu kien ikollhom jgħattuhom mentri żgħażagħ li kienu mħajra jidħlu fil-Korp kienu jew jaqtgħu qalbhom milli jidħlu bħala rekluti ġodda jew inkella miċħuda milli japplikaw, proprju minħabba r-regoli stretti li kellu l-Korp dwar it-tattoos. 

“Il-korpi dixxiplinati ma jistgħux joqogħdu jitilfu żgħażagħ tajbin minħabba t-tattoos. Għalaqna l-bibien għal wisq nies li kienu tajbin għax kellhom it-tattoo. L-aktar affarijiet importanti mhumiex jekk għandekx tattoo iżda l-kwalitajiet karatterjali bħalma huma l-integrità u d-dedikazzjoni tal-persuna, kif ukoll kemm tikkollabora mal-kollegi. Dawn huma l-vera kwalitajiet li jagħmluk uffiċjal u ħaddiem tajjeb u mhux it-tattoos,” saħaq Vella.

“L-aktar affarijiet importanti mhumiex jekk għandekx tattoo iżda l-kwalitajiet karatterjali”- Teo Vella, GWU

Is-Segretarju tat-Taqsima fil-GWU rribatta li l-pajjiż għandu jmur f’din id-direzzjoni anke f’postijiet tax-xogħol oħra. “Jekk hemm postijiet tax-xogħol li ma jdaħħlux nies minħabba policy li tipprojbwixxi jew hija stretta ħafna dwar it-tattoos, din għandha titneħħa,” insista Vella.

Huwa qal li minħabba l-mod kif kienet il-policy tat-tattoo, kienu l-postijiet tax-xogħol li bdew jitilfu għalkemm “huwa minnu li tellifna opportunitajiet lil persuni li potenzjalment setgħu saru pulizija tajbin. Imma l-agħar li mar kien il-Korp stess. Almenu issa ftaħna l-bieb u neħħejna ostaklu”.  

Teo Vella temm jgħid li barra din il-policy dwar it-tattoos fost uffiċjali tal-Korp, jemmen ukoll li l-istess “progress” għandu jsir rigward il-leħja fost il-ħaddiema. Huwa favur li l-leħja għandha tkun permessa fuq il-post tax-xogħol basta din, anke jekk hemm bżonn b’regoli apposta, tinżamm dejjem pulita u preżentabbli waqt il-ħinijiet tax-xogħol.

Policy liberali wara sentiment ta’ frustrazzjoni

Din il-policy “liberali” tagħti lok biex il-Pulizija issa jistgħu ikollhom u/jew jagħmlu tattoos f’idejhom u f’riġlejhom basta dawn ma jkunux indiċenti, sessisti, razzisti jew li jweġġgħu s-sentiment tal-pubbliku.

Din ġiet fis-seħħħ wara kwistjoni li wasslet għal frustrazzjoni fost membri tal-Korp u tal-unjin tal-Pulizija l-POU, meta nħareġ SOP fejn kien mitlub li l-uffiċjali tal-Pulizija li għandhom tattoo f’idejhom u/jew riġlejhom, jgħattuhom. Dan l-SOP inbidel biex sa fl-aħħar ingħata dan il-permess “progressiv” konformi aktar maż-żminijiet tal-lum li ma jipperikolax li jintilfu aktar talenti mill-Korp li bħalissa diġà huwa limitat fir-riżorsi umani.

Ekonomija

Sport