Tuesday, October 21, 2025

Filantropist Tork jingħata sentenza ta’ għomor il-ħabs wara li “ffinanzja protesti”

Aqra wkoll

Il-filantropist Tork Osman Kavala ngħata sentenza ta’ għomor il-ħabs mingħajr il-possibbiltà ta’ parole wara li nstab ħati li pprova joħloq instabbiltà fil-gvern billi ffinanzja għadd ta’ protesti. Għadd ta’ pajjiżi tal-Punent huma tal-fehma li dan huwa każ motivat politikament. 

Kavala, li llum għandu 64 sena, ilu diġà erba’ snin u nofs arrestat mingħajr l-ebda akkuża uffiċjali fil-konfront tiegħu. Huwa kien safa arrestat b’rabta mal-protesti li żvolġew f’Gezi; protesti żgħar u mbagħad infirxu fuq skala ħafna ikbar. Huwa dej­jem ċaħad l-akkużi li tressqu fil-konfront tiegħu. 

Min-naħa tagħha l-Istati Uniti tal-Amerika qalet li hija tinsab “imħassba ħafna u diżappuntata” dwar din is-sentenza. Skontha din hija waħda “inġusta” u li tmur kontra “d-drittijiet umani, il-libertajiet u s-saltna tad-dritt”.

Apparti Kavala, il-qorti tat-Turkija tant sentenza ta’ 18-il sena ħabs lil seba’ persuni oħra li allegatament pprovaw iwaqqgħu lill-gvern. Kavala kien qiegħed jiffaċċja wkoll akkużi ta’ spjunaġġ, iżda dwar dan il-qorti ma sabitx biżżejjed evidenza. 

Preżenti fl-awla waqt li kien qiegħed jinqara l-verdett fil-konfront ta’ Kavala kien hemm xejn inqas minn 200 persuna fosthom membri tal-oppożizzjoni tat-Turkija, diplomatiċi mill-Punent kif ukoll rappreżentanti ta’ gruppi li jitkellmu favur id-drittijiet umani. 

Min-naħa tagħha l-Istati Uniti talbet lit-Turkija biex Kavala jiġi meħlus. 

Sport