“Kont taħt xokk; u filgħodu ħadt lit-tifel l-iskola u kien hemm ħafna demm fil-komun. Għedt lit-tifel li kien żebgħa niexef.” Hekk xehdet mara li tgħix fl-istess blokk ta’ appartamenti fejn allegatament seħħ l-argument bejn Carras u Bugeja fil-Fgura.
Meta ġiet mistoqsija dwar jekk kienitx tkellem mar-raġel dwar dak li seħħ, ix-xhud qalet biss “irrid nitlaq minn dak il-post.”
Il-prosekuzzjoni kompliet tressaq aktar xhieda fil-każ li għaddejjin Johnny Cassar, ta’ 41 sena, u Mark Bugeja, ta’ 43 sena li jinsabu akkużati b’mod separat li kkaġuna ġrieħi gravi fuq xulxin fost akkużi oħrajn.
Iż-żewġ imputati qegħdin iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi.
Fix-xhieda tagħha l-mara li tgħix f’wieħed mill-appartamenti qalet li kien hemm ħafna demm ma’ kullimkien u kienet imbeżża… Tixhed li hija kellha tqum minħabba ħafna ħsejjes u tisbit li kien hemm fuq il-bieb tagħha. “Ftaħt il-bieb u kien hemm mara li ma kontx naf min hi…” kompliet tixhed il-mara filwaqt li spejat li dak il-ħin qam it-tifel minħabba l-istorjbu “u mort miegħu fil-kamra tas-sodda u ma erġajtx ħriġt”.
Min-naħa tiegħu żewġha spjega li għall-ewwel sema ħoss qawwi u ħaseb li xi ħadd kien qiegħed iħabbat fuq il-bieb tal-appartament tiegħu. Spjega li fetaħ u ma sab lil ħadd. Kompla jixhed li hekk kif irritorna fis-sodda reġa’ sema ħafna taħbit ieħor u kien hawn li mar jiftaħ il-bieb u sab lil Meshchanchuk wiċċha mimlija demm.
Quddiem il-Qorti qal li hu ħallijha tidħol fl-appartament u ftit wara reġa’ sema l-bieb iħabbat fejn din id-darba kien hemm Bugeja fejn staqsih jekk martu kinitx sew.
F’aktar dettall ix-xhud qal li lil Bugeja rah b’għajnejn skuri, evidenza ċara li kien involut f’ġlieda. “Imbagħad Johnny niżel it-taraġ, mingħajr qmis. Għolla jdejh u qal: ‘Ara x’għamilli…” kompla jixhed ix-xhud.
Ix-xhud qal li waqt li kien qiegħed ifittex il-mobile biex iċempel lill-pulizija u l-ambulanza, iż-żewġ imputati reġgħu daħlu fi ġlieda oħra, iżda hu intervjena biex waqqafhom.
Cassar niżel isfel ħdejn il-bieb ta’ barra u ftit wara waslu l-pulizija. Ix-xhud qal li kien staqsa lill-Pulizija jekk jistax ineħħi d-demm li kien hemm fil-komun qabel ma jieħu lit-tifel l-iskola filgħodu, iżda l-uffiċjali tal-Korp qalulu li ma jistax jagħmel dan.
Xhud ieħor tal-Prosekuzzjoni kien surġent tal-Pulizija fejn spjega kif il-pulizija sabet arma tan-nar li ma ntużatx u xabla mimlija demm meta fittxew iż-żewġ appartamenti wara l-ġlied. Is-Surġent spjega li mar fuq il-post flimkien ma’ kollegi tiegħu u sab uffiċjali oħra mill-Rapid Intervention Unit. Meta daħal, ra raġel b’larċazzjoni fuq wiċċu iżda ma setax jidentifikah fil-Qorti.
Is-surġet kompla jixhed li meta kienu telgħin fl-appartamenti tal-imputati raw ħafna demm mal-art, mal-ħitan tal-komun u anke mas-saqaf.
Il-pulizija fittxet fl-appartament ta’ Bugeja u sabet is-sikkina mimlija demm f’kamra lejn l-aħħar tal-appartament. Valeria Meshchanchuk kienet hemm u qalet li Cassar mar bl-arma tan-nar u beda jheddidha u jsawwat lilha u lil Bugeja. Madankollu, ma pprovdiet l-ebda informazzjoni dwar is-sikkina. Meshchanchuk kellha demm fuq wiċċha u Bugeja kellu għajnejn skuri.
L-arma li allegatament kellu Cassar instabet fl-appartament fejn jgħix hu.
Wara li semgħet aktar xhieda l-Qorti qalet li hemm biżżejjed provi biex iż-żewġt irġiel jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputati fejn il-Qorti laqgħet it-talba fuq depożitu ta’ €4,000 kull wieħed u garanzija personali ta’ €10,000 kull wieħed. Intalbu jiffirmaw il-ktieb fl-Għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa.
Il-Magistrat Astrid May Grima kienet qed tippresjedi l-kumpilazzjoni. L-Avukat mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali Miriayah Borg mexxiet il-prosekuzzjoni assistita mill-Ispettur Francesca Calleja.
L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għal Bugeja, filwaqt li l-Avukat Ezekial Psaila deher għal Cassar.

