Filippina li tinsab akkużata bil-qtil tas-sieħeb tagħha, li huwa wkoll ta’ nazzjonalità Filippina, qalet lill-Pulizija li hija ħafna drabi sofriet minn abbuż u ssuspettat li r-raġel kien qiegħed jeqlibielha ma’ nisa oħra.
Dan ħareġ minn xhieda fil-Qorti hekk kif bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Mayumi Santos Patacsil, li tinsab mixlija bil-qtil ta’ Marcelino Montalban Saraza f’appartament fil-Mellieħa.
Surġent tal-Pulizija mid-Distrett tal-Qawra xehed dwar kif huwa ntbagħat jassisti lill-mara li sejħet għal ambulanza u sostniet li kellha d-demm. “Ir-raġel tiegħi sawwatni u kien għamilha wkoll qabel,” qalet il-mara.
Meta l-uffiċjali tal-pulizija waslu l-Mellieħa, huma rawha wieqfa quddiem supermarket. Hija telgħet fil-karozza tal-Pulizija u ttieħdet fit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana biex tagħmel rapport, qabel talbet li tingħata l-kura għall-ġrieħi ħfief li kellha.
Is-Surġent Joseph Attard spjega lill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo kif idejn il-mara kienu mibruxa u mċappsa bid-demm u bdiet issostni li kellha xi wġigħ.
Patacsil qalet lill-uffiċjali tal-Pulizija mit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika li hija kienet ilha tgħix mas-sieħeb tagħha għal dawn l-aħħar erba’ snin u spjegat li wliedha, li mhumiex minn ta’ Saraza, għadhom jgħixu l-Filippini.
Hija sostniet li l-koppja kienu jargumentaw ta’ spiss, speċjalment meta Saraza kien jixrob, iżda hija qatt ma rrappurtatu lill-pulizija għax “kienet taħfirlu.” Kien ftit wara meta qalet lill-Pulizija li kienet intużat sikkina fl-aħħar argument li kellha miegħu u allegat li hija kienet irreaġixxiet għas-swat tar-raġel billi laqtitu fil-partijiet privati tiegħu. Hija sostniet ukoll li r-raġel kien waqa’ fuq is-sikkina.
Kien għall-ħabta tas-2.30 a.m. meta s-Surġent Attard, mar fl-appartament fil-Mellieħa. Il-bieb infetaħ minn mara mis-Serbja li kienet tgħix hemm ma’ żewġha u t-tifel tagħhom.
Il-koppja Filippina kienet ingħaqdet ma’ din il-familja u qasmet l-appartament mikri b’żewġt ikmamar. Hekk kif is-Surġent ivverifika l-kmamar, deher li ma kien hemm l-ebda sinjal ta’ diordni jew traċċi ta’ demm.
Iżda meta xegħel il-kċina, huwa nnota persuna mixħuta mal-art ma tiċċaqlaqx mgħottija b’liżar, b’sieq waħda ħierġa fil-gallarija. Meta neħħa l-liżar, hemm sab raġel b’ferita kbira fl-istonku u oħra f’għonqu. Il-vittma kien iċċertifikat mejjet fuq il-post minn tim mediku, qal is-Surġent.
Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Godwin Scerri spjega li sikkina li kellha d-demm fuqha nstabet fis-sink tal-kċina, ftit metri ‘l bogħod mill-katavru, waqt li sikkina oħra nstabet fl-art barra, eżatt taħt il-gallarija.
Is-sikkina li nstabet fis-sink, allegatament l-arma li ntużat fid-delitt, kellha xafra wiesgħa ta’ pulzier u nofs u kienet twila bejn wieħed u ieħor pied. Is-sikkina l-oħra kellha kważi l-istess tul iżda kelha xafra idjaq.
Is-Serb li kien jgħix magħhom allegatament qal li l-koppja Filippina kienu spiss jargumentaw. Marcelino kien deskritt bħala raġel “kwiet” ili kien jaħdem ma’ tal-linja iżda s-sieħba tiegħu kienet takkużah li kien qed jeqlibielha.
Fil-lejl li seħħ id-delitt, il-mara mis-Serbja kienet ħadet lit-tifel tagħha u ssakkret ġewwa l-kamra tas-sodda filwaqt li semgħet l-għajjat jippersisti. Imbagħad f’daqqa waħda semgħet lir-raġel jgħajjat bl-uġigħ u ftit wara l-vuċi tal-akkużata tgħid: “skużani, skużani.”
Intqal ukoll fil-Qorti li għall-ħabta tan-nofsiegħa ta’ filgħodu, Patacsil marret f’dar ta’ koppja oħra Filippina fi stat ta’ xokk, u talbithom biex tibqa’ magħhom u allegatament qalet li kienet tat daqqiet ta’ sikkina lis-sieħeb tagħha fl-istonku. Hija sostniet li ma kinitx taf jekk kienx għadu ħaj.
Iżda l-koppja l-oħra, li kienu imdorrija bl-argumenti regolari tal-koppja u l-bosta messaġġi tagħha biex tivverifika fejn kien ir-raġel, idderiġewha biex tfittex għajnuna x’imkien ieħor.
Lejn tmiem is-seduta, il-Maġistrat Farrugia Frendo qalet li hemm biżżejjed provi biex il-mara titpoġġa taħt att ta’ akkuża.
Il-każ ikompli f’Awwissu. L-Avukat George Camilleri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qed jassisti lill-Prosekuzzjoni. L-Avukati Ryan Ellul u Tiziana Micallef qed jidhru għall-mara.