“Dan hu s-sabiħ ta’ xogħolna. Filli kienet hemm iddur waħidha u filli kellha l-kumpanija.” Qal dan wieħed mir-raħħala li aktar kmieni kien qiegħed fl-AgriFair f’Ta’ Qali u assista għall-wild ta’ ħaruf bla ħsieb.
Ir-raħħal spjega ma’ Talk.mt li minkejja li sfortunatament ġieli jkun hemm xi kumplikazzjonijiet fil-wild tal-bhejjem, dan il-ħaruf bħal donnu feġġ f’kemm iddawwar wiċċek.
“Jien nieħdu pjaċir ħafna bil-bhejjem u minkejja l-età tiegħi ma tantx tagħtini li nrabbi, qalbi tibqa’ magħhom. Ħassejt li minkejja li jien mgħawweġ biż-żmien stajt nagħti xi informazzjoni lil dawk li jżuru l-post u ma jifhmux daqstant fil-bhejjem”, kompla jgħidilna.
“Illum jien mgħawweġ imma nieħu pjaċir nispjega lil min jinteressa ruħu”
Raħħal fl-AgriFair f’Ta’ Qali
In-nagħġa għamlet biċċa xogħol tajba u kif welldet qamet minnufih biex tnixxef jew tilgħaq il-ferħ li għalkemm bħal-lum mhux daqstant problema għax it-temp huwa wieħed sħun, jekk din ma tqumx għal dan il-proċess fix-xitwa, il-ferħ jista’ jiksaħ biċ-ċima (placenta) miegħu u jmut.
Dawk kollha li kienu preżenti setgħu josservaw mill-qrib dan il-proċess li jidher li ma kienx affettwat miċ-ċaqliq tal-bhejjem, iżda għax kien wasal iż-żmien għaż-żieda.