Saturday, November 23, 2024

“Filli niġġieldu l-prekarjat, issa biex insalvaw l-impjiegi”

Aqra wkoll

isostni dan is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja fl-isfond ta’ statistika li tpoġġi lil Malta l-ħames l-inqas għall-prekarjat

YouTube video

Il-Covid-19 bidel ix-xenarju li fih taħdem il-GWU minn wieħed fejn kienet qed tiġġieled biex jiġi eliminat ix-xogħol prekarju għal wieħed fejn l-enfasi ewlenija hija li l-impjieg tal-ħaddiem ikun garantit.

Hekk sostna s-Segratarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja meta mistoqsi minn dan il-ġurnal għal reazzjoni dwar l-aħħar statistika tal-UE b’rabta mal-prekarjat.

L-istatistika tal-Eurostat turi li matul is-sena li għaddiet Malta kellha l-ħames l-inqas rata ta’ nies b’xogħol prekarju fil-pajjiżi tal-UE.

L-Eurostat għamel analiżi ta’ kemm kien hemm persuni bejn l-20 u l-64 sena li kellhom kuntratt tax-xogħol ta’ mhux aktar minn tliet xhur.

Huwa sab li f’pajjiżna kienu biss 0.4% tal-impjegati f’din is-sitwazzjoni meta l-medja fl-UE kienet ta’ 2.3% jiġifieri sitt darbiet ir-rata ta’ Malta.

Kienu biss ir-Rumanija, ir-Repubblika Ċeka, Ċipru u l-Ġermanja b’numru inqas minn ta’ Malta bl-ewwel tnejn b’rata ta’ 0.2% u l-aħħar tnejn b’dik ta’ 0.3%.

Il-pajjiż bl-ogħla rata ta’ nies f’xogħol prekarju kien il-Kroazja b’6.5% segwita minn Franza u Spanja b’4.7% u 4.2% rispettivament.

Bugeja esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-ħidma li wettqet il-GWU matul is-snin fil-ġlieda tagħha kontra l-prekarjat ħalla, u qed iħalli, il-frott hekk kif naqsu l-ħaddiema b’kundizzjonijiet tax-xogħol li mhux aċċettabbli.

Fl-istess waqt huwa esprima d-dispjaċir li l-pandemija ħolqot problema kbira fil-qasam tal-impjiegi għax illum id-diskors mhux dwar titjib fil-kundizzjonijiet imma li jiġu salvati l-impjiegi.

Bugeja spjega kif il-GWU qiegħda f’kuntatt kontinwu kemm ma’ kumpaniji u postijiet tax-xogħol kif ukoll ma’ ministri tal-Gvern biex tassigura l-ħarsien tal-impjiegi.

Huwa enfasizza li hemm bżonn li l-ħaddiem, l-unjin tiegħu u l-’employer’ jaħdmu flimkien għall-ġid ta’ kulħadd u wissa li jekk dan ma jsirx b’mod raġjonevoli l-impjieg xorta jista’ jiġi ipperikolat u jbatu t-tlieta li huma.

Fl-istess Bugeja tenna l-konvinzjoni tiegħu li f’dan il-perjodu diffiċli se joħroġ il-kobor tal-GWU hekk kif se jidher kemm huwa importanti li persuna tkun membru f’unjin biex tħares id-drittijiet tax-xogħol tagħha.

Sport