Saturday, October 26, 2024

“Film li jżid l-istigma u jagħti idea żbaljata tal-abort”

Aqra wkoll

Id-Doctors for Choice Malta titlob biex “The Silent Scream” ma jixxandarx aktar fl-iskejjel

Minn Carmen Cachia

L-għaqda Doctors for Choice Malta qiegħda titob biex il-film “The Silent Scream”, li jitratta s-suġġett tal-abort, ma jibqax jixxandar fl-iskejjel fejn jisħqu li jaħti idea żbaljata u jżid l-istigma li diġà hemm fuq dan is-suġġett kontroversjali. Inewsmaltaħa l-opinjoni taż-żewġ unjins tal-edukaturi, l-MUT u l-UPE, fejn it-tnejn qablu li dak li għandu x’jaqsam ma’ materjal użat fl-iskejjel, huwa f’idejn l-awtoritajiet konċernati.

“The Silent Scream” ilu jixxandar is-snin u “Doctors for Choice Malta” temmen li jkun ta’ aktar benefiċċju għall-istudenti jekk minfloku, dawn jingħataw informazzjoni dwar il-prevenzjoni u li jkun hemm aċċess aħjar għall-kontraċettivi. 

F’messaġġ li tellgħet fuq il-midja soċjali din l-għaqda qalet li, “dan il-film jagħti interpretazzjoni żbaljata tal-abort u jżid l-istigma b’detriment għan-nisa f’Malta li għandhom bżonn abort u dawk li għamlu abort. Ikun ta’ benefiċċju akbar għat-tfal jekk jingħataw tagħrif ibbażat fuq ix-xjenza tal-edukazzjoni sesswali biex tkun evitata tqala mhux ippjanata flimkien ma’ aċċess aħjar għall-kontraċettivi”. 

Doctors for Choice fi tmiem il-kumment kitbu li, “ikun kif ikun impinġi l-abort, dejjem se jkun hemm il-ħtieġa tiegħu u għaldaqstant għandu jkun legalizzat u rregolat bħal kull proċedura medika oħra”.

“L-awtoritajiet b’obbligu li jiskrutinizzaw dak li jsir fl-iskejjel”

Il-President tal-Malta Union of Teachers (MUT), Marco Bonnici, rigward it-talba mid-Doctors for Choice qalilna li l-kontenut kurrikulari huwa fil-kompetenza tal-awtoritajiet edukattivi fejn żied jgħid li huwa fl-obbligu tal-awtoritajiet konċernati li jiskrutinizzaw dak li jsir fl-iskejjel.

Min-naħa l-oħra, l-Unjin tal-Edukaturi Professjonisti (UPE) qalet li ma ssib ebda diffikultà li jixxandar tali film lill-istudenti. Il-President tal-UPE, Graham Sansone, żied jgħid li, “biex b’hekk l-istudenti jkunu jistgħu jirriflettu dwar il-konsegwenzi li intervent bħal dan ikollu”.

Filwaqt li enfasizza li l-prinċipju tal-UPE huwa favur il-ħajja u għalhekk kontra l-abort, Sansone qal li l-Ministeru tal-Edukazzjoni u s-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika għandhom ir-responsabbiltà morali biex jiggwidaw u jipprovdu lill-edukaturi b’kull materjal relevanti li jħossu li huwa xieraq. 

Fl-istess ħin, il-President tal-UPE innota li, “sfortuntament il-film inkwistjoni huwa skadut u ma jgħoddx għaż-żminijiet tal-lum u għalhekk l-awtoritajiet fil-qasam edukattiv għandhom bżonn jipprovdu materjal kontemporanju”.

Sport