Sunday, November 24, 2024

FILMAT GRAFIKU: Persuna tiftaħ in-nar u toqtol 8 persuni f’kumpless ta’ ħwienet f’Texas fl-Istati Uniti

Aqra wkoll

Raġel armat daħal f’kumpless tal-ħwienet fl-Istat ta’ Texas fl-Istati Uniti u mill-inqas qatel tmien persuni.

Fil-ħin li seħħ dan kollu fil-kumpless kien hemm mijiet kbar ta’ persuni li b’mod immedjat ġew evekwati. Xhieda li kienu fuq il-post qalu lill-aġenziji tal-aħbarijiet internazzjonali li r-raġel daħal fil-kumpless u f’daqqa waħda beda jispara bl-addoċċ.

B’azzjoni mill-ewwel, il-Pulizija sparaw fuq il-persuna li kienet qed tispara u qatluh. Mill-ewwel investigazzjonijiet jirriżulta li dak li wettaq, wettqu f’ismu biss u mhux f’isem għaqda terroristika.

Skont l-ewwel informazzjoni li waslet għand il-midja jirriżulta li wħud mill-vittmi huma tfal. Ma’ dan li nqatlu hemm mill-inqas 7 persuni oħrajn li kellhom jittieħdu l-isptar bi 3 minnhom jinsabu fil-periklu tal-mewt.

Skont kelliem tal-isptar l-età tal-vittmi hu bejn 5 snin u 51 sena.

Il-Gvernatur ta’ Texas Greg Abbott iddeskriva dan l-att bħala traġedja kbira għall-Istat kollu.

Persuni qalu li r-raġel li beda jispara kien libes kollox iswed u miegħu kellu affarijiet daqslikieku sejjer għal gwerra.

Sport