Friday, April 19, 2024

Filmat: “Ħaddiema aktar kuntenti fuq ix-xogħol jagħtu servizz aħjar”

L-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati akkreditata biex toffri programmi ta' Livell MQF 4.

Anthea Cachia
Anthea Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Interni, s-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, ħabbar li t-taħriġ għall-Korpi Dixxiplinati se jkompli jisaħħaħ, hekk kif l-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinati issa tinsab akkreditata biex toffri programmi ta’ livell MQF 4. Għaldaqstant, dan ifisser li t-taħriġ li jingħata lill-istudenti, se jkun wieħed akkreditat, ta’ livell għoli u rikonoxxut minn istituzzjonijiet barranin. 

Il-Ministru tkellem ma’ dan is-sit fejn saħaq li, dan huwa pass importanti ‘l quddiem fl-Akkademja li tagħti t-taħriġ u tagħmir lill-ħaddiema tal-korpi, “għaliex minn issa ‘l quddiem, dawk il-korsijiet li jagħmlu se jkunu aktar professjonali u uniformi li jistgħu jagħtu valur aħjar lill-ħaddiem li qiegħed jirċevihom. Dan għaliex l-aktar ħaġa importanti hija li, dawk il-ħaddiema meta jmorru fuq il-post tax-xogħol tagħhom, jagħmlu dak li ġew imħarrġa għalih u mħarrġa kif suppost.”

YouTube video

Huwa spjega kif dan iċ-ċertifikat akkreditat mhux ta’ benefiċċju biss għal fuq il-post tax-xogħol iżda anke jekk wieħed jagħmel l-25 sena fil-korp iddixxiplinat u jagħżel li jirtira. Għaldaqstant, meta jmur fid-dinja tax-xogħol  f’pajjiżna, ma’ kumpaniji privati, se jsib il-kwalifiki li juri t-taħriġ li jkun għamel fis-snin ta’ servizz li għamel għas-sigurtà ta’ pajjiżu. 

Il-ħaddiema għandhom opportunitajiet biex jibqgħu jitħarrġu

Meta mistoqsi min hu ntitolat għal din l-opportunità, il-Ministru Camilleri spjega li, “minn issa ‘l quddiem dawk kollha li se jagħmlu l-kors mal-akkademja se jkollhom dan it-taħriġ li jkun akkreditat. Wieħed irid iżomm f’moħħu li l-ħaddiema fil-korpi dixxiplinati tul is-snin ikollhom opportunitajiet varji li fihom ikollhom iċ-ċans li jiżviluppaw fil-karriera tagħhom. Allura ma tagħmilx mill-ġurnata li tidħol fil-Korp sal-25 sena tiegħek u tirtira. Iżda, minn żmien għal żmien ikollok l-opportunità li issegwi korsijiet fl-akkademja, anke f’entitajiet oħra fosthom fl-Università ta’ Malta u lil hinn minn xtutna.” 

Il-ħaddiema jibqgħu jingħataw prijorità

Huwa spjega li b’dan il-mod qegħdin naraw li l-ħaddiema dejjem ikunu preparati għal kull eventwalità, “u meta umbad joħorġu fid-dinja tax-xogħol u se jintalbu jagħmlu servizz għal pajjiżhom, jistgħu jagħtu servizz aħjar.”

“Biex inżidu ma’ dan ukoll, il-ħaddiema kollha għandhom ftehim kollettiv, jiġifieri dawn il-ħaddiema ngħataw kundizzjonijiet ġodda, aktar drittijiet, kif ukoll pagi aħjar. Aħna nemmnu li b’ħaddiema aktar kuntenti fuq il-post tax-xogħol, għax ikollhom id-dinjità li jixraqilhom, flimkien ma’ aktar taħriġ wieħed, jista’ jagħti servizz aħjar lil pajjiżu għas-sigurtà tiegħu,” temm jgħid il-Ministru għall-Affarijiet Interni, s-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi.    

Ritratt u filmat: Alan Saliba

Sport