Saturday, November 23, 2024

FILMAT: Peppi Azzopardi jgħid li Leon Borg ma kellux jeħel il-ħabs

Aqra wkoll

Filwaqt li bosta attivisti esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għas-sentenza mogħtija mill-Maġistrat Joseph Mifsud fil-konfront ta’ Leon Borg, iż-żagħżugħ Karkariż li kien ikkundannat sentejn ħabs effettivi u €5,000 multa wara li sabbat il-kelb tal-familja mal-komodina għal darba darbtejn, mhux tal-istess fehma kien Peppi Azzopardi.

Azzopardi saħaq li ma jaqbilx mas-sentenza mogħtija liż-żagħżugħ u jħoss li din hija waħda eċċessiva.

Dan hekk kif fis-sentenza tiegħu fil-konfront ta’ Leon Borg, il-Maġistrat Joe Mifsud rrimarka li għalkemm il-maġġoranza tal-poplu tħobb l-annimali ried jibgħat messaġġ b’saħħtu lil dawk li jwettqu atti ta’ moħqrija fuqhom għax dawn mhux aċċettabbli.

Intant f’filmat fuq il-midja soċjali, Peppi saħaq li “issa apparti li anke jekk ried jew ma riedx jagħti l-eżempju, din hija sentenza eċċessiva diġà minnha nfisa.”

Fl-istess waqt huwa żied jistaqsi jekk sentenza ta’ priġunerija tgħinx lil persuna “li qed joqtol lilu nnifsu kuljum bid-droga”.

“X’taħsbu li mar jagħmel hemm il-ħabs? Taħsbu li sab xi tim jistennieh ta’ nies professjonali biex jaraw kif mhux se jibqa’ jieħu d-droga, kif se jibda jħobb lilu nnifsu, kif se jinsa l-imgħoddi u minn xiex għadda, kif se jneħħi r-rabja li għandu u li nfexx biha fil-kelb?” staqsa Peppi.

“Nitfgħuh il-ħabs u ninsewh,” tenna Azzopardi hekk kif wera juri d-diżapprovazzjoni tiegħu għas-sentenza mogħtija liż-żagħżugħ.

Huwa żied jistaqsi wkoll dwar il-ħtieġa tal-€5,000 multa. “Tista’ tgħidli bniedem li m’għandux l-għaxja ta’ lejla, li l-ħwejjeġ tiegħu ddubbahom, kif jista’ jħallas €5,000?Jekk mhux isallab lil xi ħadd fil-familja jew imur jisraq?” tenna Azzopardi.

Intant l-inċident li tiegħu Borg instab ħati seħħ fil-21 ta’ Lulju 2019 meta l-Pulizija rċeviet rapport li Leon Borg kien qed ikun aggressiv fid-dar t’ommu tant li kisser ukoll it-televixin ta’ ħuh.

Meta l-pulizija marru fuq il-post sabuh fuq il-bejt u meta niżel u staqsew jekk ħax xi pilloli wieġeb li le anke jekk għaddilhom 45 pillola. Sakemm kienu qed jitkellmu miegħu huwa daħal fil-kamra tas-sodda, qabad it-telefon ċellulari minn idejn ħuh u sabtu mal-art.

Il-kelba tar-razza Chiuaua, bl-isem Otis, beda jinbaħ u kien hawn li Borg qabdu minn dahru, qabadlu saqajh u sabtu darbtejn fuq il-komodina. Il-pulizija mill-ewwel intervjenew u waqqfuh milli jkompli jsawwat lill-kelb għalkemm beda jirreżisti tant li wieħed mill-pulizija weġġa’ ħafif.

Sport