Devjazzjonijiet ġodda minn din il-ġimgħa biex jitlestew l-aħħar xogħlijiet
Minn ANTHEA CACHIA
Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg ħabbar fil-ġimgħat li ġejjin Infrastructure Malta se tkun qiegħda tiftaħ tliet flyovers oħra mis-sebgħa li qiegħda tiżviluppa permezz tal-Marsa Junction Project.
Wara l-ftuħ tal-ewwel tliet flyovers fl-aħħar kwart tal-2019, tul l-aħħar sitt xhur il-ħaddiema lestew l-istrutturi tal-erba’ flyovers l-oħra, li huma lesti biex isirilhom l-asfalt u l-aħħar installazjonijiet.
Il-Ministru Borg qal li bejn dan ix-xahar u Ottubru, l-aġenzija bil-għan li tlesi l-aħħar xogħlijiet, se tintroduċi diversi devjazzjonijiet hekk kif il-ħaddiema se jressqu l-pożizzjoni tal-korsiji eżistenti biex ikunu jistgħu jwettqu x-xogħlijiet li fadal f’inħawi differenti tal-proġett.
Dawn id-devjazzjonijiet temporanji li se jidħlu fs-seħħ fi tmiem din il-ġimgħa se jinkludu l-ftuħ ta’ konnessjoni ġdida lejn it-tramuntana minn Vjal Sir Paul Boffa għal Triq Aldo Moro u l-għeluq temporanju tar-rotta ta’ parti mill-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Triq Giuseppe Garibali (jiġifieri minn Ħal Luqa għall-Marsa) u minflok se tgħaddi mit-toroq tal-Qasam Industrijali tal-Marsa.

Il-Kuntratturi tal-aġenzija bħalissa qegħdin jiffukaw fuq l-erba’ rampi li għad fadal biex jgħaqqdu dawn il-flyovers mat-toroq li jiltaqgħu f’din il-junction, li jinkludu Triq Aldo Moro, Vjal Santa Lucija u Triq Guiseppe Garibali. Il-ħames rampi l-oħra diġà huma lesti.
Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, il-ħaddiema se jkunu qiegħdin ipoġġu 17,000-il tunnellata t’asfalt biex jiksu l-użu ta’ aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li se jiżdied f’din il-ħolqa kruċjali tas-sistema tat-toroq Maltin permezz ta’ dan il-proġett.
Il-Marsa Junction Project jinkludi wkoll it-tqegħid ta’ 13-il kilometru ta’ servizzi taħt l-art, fosthom pajpijiet għad-distribuzzjoni tal-ilma u katusi għad-drenaġġ, mini (walk-through culverts) li minnhom jgħaddu l-cables tal-elettriku, pajpijiet għall-cables tal-internet u servizzi tat-telekomunikazzjoni oħrajn u katusi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita. Dan it-titjib jiżgura kwalità aħjar u aktar affidabilità fil-provvista ta’ dawn is-servizzi lejn diversi lokalitajiet f’dan ir-reġjun, waqt li jipprovdi kapaċità żejda għall-bżonnijiet tal-futur.
Infrastructure Malta qiegħda tibni wkoll toroq ġodda taħt il-flyovers, biex toħloq konnessjonijiet diretti għal vjaġġar aktar malajr u sigur minn u lejn Vjal Sir Paul Boffa (Raħal ġdid), iż-żewġ faċilitajiet ġodda ta’ park and ride li jagħmlu minn l-istess proġett, iċ-Ċimiterju tal-Addolorata u nħawi oħrajn fil-viċin.
Il-kuntratturi issa lestew aktar minn 70% ta’ dan il-proġett ta’ €70 miljun iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea, l-akbar investiment infrastrutturali li qatt sar fit-toroq Maltin. Minkejja xi diffikultajiet li nqalgħu bil-miżuri kontra l-imxija ta’ Covid-19, Infrastructure Malta qiegħda taħdem biex iżżomm mal-mira oriġinali li tlesti l-proġett sa’ Diċembru 2020.
Ix-xogħol mexa b’mod aċċellerat ukoll fuq il-bini ta’ bankini ġodda u pontijiet għall-mixi, korsiji u waqfiet għall-karozzi tal-linja, il-faċilitajiet ta’ park and ride u korsiji għar-roti maqtugħin mit-triq.




Riċentament l-aġenzija biddlet ukoll il-pjanti tal-proġett biex iżżid mina (underpass) twila 10 metri għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota, biex b’hekk tkompli ttejjeb is-sigurezza għall-ivjaġġar b’mezzi ta’ trasport alternattiv bejn Raħal Ġdid u l-Marsa.
Madwar din l-infrastruttura, Infrastructure Malta qiegħda tifforma diversi żoni mħaddrin u msebbħin b’ħafna siġar ġodda u erba’ xogħlijiet artistiċi kbar. F’dawn l-aħħar xhur, il-kuntratturi tal-proġett bnew żewġ ġibjuni kbar taħt l-art għall-ħażna ta’ 1.5 miljun litru ilma tax-xita għat-tisqija ta’ dawn iż-żoni mħaddrin ġodda.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi saħaq li jinsab meraviljat bil-progress kbir li sar f’dan il-proġett, li huwa kofinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll saħaq dwar l-importanza tal-fondi Ewropej biex dan il-proġett ikun possibli. Huwa temm jgħid kif permezz tal-Marsa Junction Project se jkun qiegħed jonqos it-traffiku filwaqt li jonqos ukoll it-tniġġis tal-arja mill-konġestjoni fil-Marsa u tiżdied l-effiċjenza.