Thursday, December 26, 2024

FILMATI: Dimostrazzjonijiet vjolenti quddiem il-White House minħabba l-mewt ta’ George Floyd

Aqra wkoll

Id-dimostrazzjonijiet dwar il-mewt ta’ George Floyd komplew jeskalaw, b’dimostranti jinġabru quddiem il-White House, f’Washington, matul il-lejl li għadda u jkunu involuti fi ġlied mal-Pulizija.

Filmati li bdew jiċċirkolaw fuq il-midja soċjali juru diversi mumenti meta d-dimostranti jikkonfrontaw lill-Pulizija, u anke saħansitra jissuttawhom b’affarijiet, fosthom fliexkem tal-ilma.

Aktar kmieni l-President Amerikan Donald Trump qal li kien tkellem mal-qraba ta’ George floyd u esprima t-tama tiegħu li protesti leġittimi mill-pubbliku ma jiddeġenerawx f’anarkija.

Diversi bliet madwar l-Istati Uniti raw l-iżvolġiment ta’ diversi protesti wara li Floyd miet nhar it-Tnejn li għadda, wara li ġie arrestat b’mod vjolenti mill-Pulizija f’Minneapolis.

Huwa miet l-isptar wara li ntilef minn sensih wara li uffiċjal tal-Pulizija żammu b’saħħa b’irkopptu fuq għonq ir-raġel għal diversi minuti. Dan minkejja li f’filmat li ċċirkola fuq il-midja soċjali li juri l-mument tal-arrest ta’ Floyd juri lir-raġel jgħid li ma setax jieħu n-nifs.

L-erba’ uffiċjali tal-pulizija li kienu involuti fl-arrest ta’ Floyd tkeċċew l-għada. Wieħed mill-uffiċjali, identifikat bħala Dereck Chavin, kien mixli bi qtil ilbieraħ.

Ekonomija

Sport