Minn Crsitian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-isport?
L-imħabba tiegħi għall-isport bdiet minn età żgħira, imsaħħa f’familja fejn l-isport u l-kompetizzjoni kienu parti mill-ħajja ta’ kuljum. Imdawwar bi qraba li kienu jilagħbu, jikkowcjaw jew jirrefjaw f’diversi sports, żviluppajt ġibda naturali lejn l-emozzjonijiet u d-dixxiplina li kapaċi joffri l-isport. Maż-żmien, din ir-rabta kibret f’passjoni kbira speċjalment fl-isport li jien nipprattika jiġifieri l-handball kif ukoll fl-isport inġenerali speċjalment permezz tal-professjoni tiegħi fi ħdan il-Kumitat Olimpiku Malti (KOM).
Iddeskrivi r-rwol tiegħek fi ħdan il-Kumitat Olimpiku Malti bħala amministratur tal-isport.
Bħala amministratur tal-isport fi ħdan il-Kumitat Olimpiku Malti, nappoġġja l-kordinazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ programmi mmirati lejn l-iżvilupp ta’ atleti, federazzjonijiet nazzjonali u l-valuri Olimpċi madwar Malta. Ir-rwol tiegħi jinvolvi komunikazzjoni ma’ stakeholders lokali u internazzjonali, il-loġistika għall-avvenimenti li nagħmlu kemm dawk sportivi, edukattivi u avvenimenti oħrajn, kif ukoll preparamenti ta’ rapporti varji.
Kif qed tħares lejn l-esperjenza tiegħek bħala ‘Chef de Mission’ għal Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra?
Filwaqt li nħossni kburi u onorat għal din l-esperjenza ġdida bħala Chef de Mission għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra, nifhem ukoll li dan ir-rwol iġib miegħu responsabiliá importanti. Filwaqt li din l-esperjenza tirrapreżenta pass importanti fil-vjaġġ tiegħi fl-amministrazzjoni tal-isport, ninsab determinat li jkollna tim magħqud u kkordinat biex l-atleti jkollhom l-aħjar ambjent possibbli biex juru l-potenzjal massimu tagħhom waqt il-kompetizzjoni.
Kif qed tħarsu lejn dawn il-Logħob u x’inhuma l-aspettattivi għal Team Malta speċjalment wara s- suċċess tremend li nkiseb f’pajjiżna sentejn ilu?
L-objettiv sportiv għal din l-edizzjoni huwa kif iddeterminat mid-Direttur tal-iSport fi ħdan il-Kumitat olimpiku Malti, Charlene Attard, jiġifieri li nġibu l-aħjar riżultat barra minn xtutna f’dan il-Loghob li kien inkiseb f’Liechtenstein fl-2011. Min-naħa tiegħi l-objettivi sekondarji huma li jkollna tim kburi bil-pajjiż tagħna, iffukat fuq il-prestazzjoni u motivat biex ikompli jġib l-unuri lil pajjiżna. B’hekk inkunu nistgħu nkomplu nsaħħu l-legat tal-Loghob li saru f’pajjiżna sentejn ilu u nkomplu nwittu t-triq għall-objettivi futuri u għal tisħiħ kontinwu fil-qasam sportiv f’pajjiżna.
Kif tqis il-mentalità tal-isport f’pajjiżna, u kif rajtha tinbidel tul is-snin?
Jien inħoss li l-mentalitátal-isport f’pajjiżna inbidlet minn waħda prinċipalment rikreattiva għal wahda iktar strutturata u professjonali matul is-snin. Dan ifisser li l-federazzjonijiet sportivi qed ikunu mitluba standards ogħla f’termini ta’ governanza, żvilupp tal-atleti u prestazzjonijiet. Qiegħed ikun hemm iktar fondi minn qatt qabel filwaqt li l-Kumitat Olimpiku Malti daħħal kriterji bbażati fuq ranking, data u mertu biex tiġi żgurata trasparenza, kontabbilitá u distribuzzjoni iktar ġusta. Dan ifisser peró li x-xogħol żdied u għalhekk nemmen li hemm bżonn ukoll iktar investiment fir-riżorsi umani li jistgħu jieħdu ħsieb b’mod professjonali l-operazzjonijiet tal-għaqdiet sportivi f’pajjiżna.
U dak tar-riżorsi fejn l-atleti tagħna jitħarrġu u jikkompetu?
Ir-riżorsi infrastrutturali qegħdin ikomplu jiżdiedu grazzi għall-investiment tal-Gvern u SportMalta. Waqt li sar ammont ta’ ristrutturar u titjib (‘upgrades’) f’faċilitajiet eżistenti, f’dan l-aħħar żmien rajna wkoll faċilitajiet ġodda jinbnew mhux biss għall-isport li kien parti mil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar imma wkoll għal sport ieħor. Dan huwa wkoll fl-opinjoni tiegħi legat ieħor li l-Logħob ħallew fejn issa Malta mhux qiegħda tospita biss il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar kull ammont ta’ zmien imma wkoll qiegħda tospita serje ta’ sport u kampjonati internazzjonali differenti bħal pereżempju kampjonati tal-weightlifting, squash, handball, u Final Four tal-Waterpolo fost diversi sport ohra. Dan żgur jista’ jseħħ biss jekk ikollok infrastruttura ta’ livell adekwat u riżorsi umani li jkunu tgħallmu u saħħew il-kapaċitá organizzattiva tagħhom permezz tal-esperjenzi li jkunu għaddew minnhom.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-amministrazzjoni tal-isport?
It-tama tiegħi hija li nkompli naħdem f’dan is-settur għal tul taż-żmien għax apparti li huwa x-xogħol tiegħi huwa wkoll rwol li nagħmel b’hafna passjoni. Grazzi għall-Kumitat Olimpiku Malti u l-‘Olympic Solidarity’, qiegħed inkompli nissaħħaħ u nitgħallem b’Master Ezekuttiv fuq l-immaniġġjar ta’ organizzazzjonijiet sportivi. It-tama hija li nkompli nkun ta’ appoġġ mhux biss għall-Kumitat Olimpiku Malti imma wkoll biex nassistu mill-aħjar li nistgħu lill-federazzjonijiet sportivi affiljati magħna speċjalment lill-atleti, kowċis u amministraturi li jiffurmaw parti minnhom.
Għaddi messaġġ finali lil.min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-isport.
Jien naħseb li l-ikbar messaġġ li nista’ nagħti huwa li wieħed ma jħarisx lejn l-isport biss bħala karriera f’termini finanzjarji imma bħala opportunitá li tiftaħ ħafna twieqi u relazzjonijiet umani. Uħud mill-isbaħ mumenti li kelli f’ħajti huma relatati mall-isport u nemmen li ħafna mill-iżvilupp personali tiegħi ssawwar fl-isport. Għalhekk inħeġġeġ bis-sħiħ biex dawk kollha li għandhom passjoni lejn l-isport ikomplu jitħarrġu u jħallu l-bibien miftuħa għal opportunitajiet fid-dinja sportiva kemm jekk bħala atleti, kowċis, uffiċjali, servizzi u professjonisti relatati mal-isport jew amministraturi.