Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn iċ-ċikliżmu ?
L-imħabba tiegħi lejn iċ-ċikliżmu bdiet meta jien kont għadni tifel żgħir u kont immur nara lil missieri jtellaq fi tlielaq tar-rota, filfatt meta kelli biss xi 7snin tellaqt l-ewwel tellieqa tiegħi. Wara ftit żmien xtaqt nipprova sport ieħor u filfatt għamilt ftit snin nilgħab il-futbol. Minejja li kien sport għal qalbi, rrejalizzajt li ċ-ċikliżmu kien ferm iktar ghal qalbi. Issa ilni għal dawn l-aħħar sitt snin nipprattika dan l-isport u nista’ ngħid li huwa parti kbira minn ħajti.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f’dan l-isport li tant tħobb ?
Jien ili Champion tal-kategorija tiegħi għal dawn l-aħħar ħames. Ipparteċipajt il- World Championship u European Champions, dawn kienu esperjenzi sbieħ u li tgħallimt ħafna minnhom. Fis-sena 2022 ipparteċipajt għall-ewwel darba fit-Tour ta’ Malta u nista’ ngħid li kull sena li pparteċipajt kont fuq il-podium flimkien ma’ ċiklisti professjonali. Xi ftit tal-ġimgħat ilu pparteċipajt ukoll fil-‘Giro del Etna’ fejn ikkwalifikajt fir-raba’ post tal-kategorija tal-Elite. Dan kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija.
Kif tqis il-livell taċ-ċiklizmu f’pajjiżna fil-preżent ?
Meta jiġi kkomparat ma’ pajjiżi barra minn Malta fejn ipparteċipajt, il-livell nista’ ngħid li huwa ftit baxx, pero’ aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed niltaqa ma’ tfal u żaghżagh li jħobbu dan l-isport li huma kapaċi u determinati.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Fejn nitħarrġu m’għandniex għax it-toroq mhumiex siguri għaċ-ciklisti . Barra minnhekk it-traffiku huwa element kbir kontra ċ-ċiklisti u sfortunatament ma tantx insibu koperazzjoni mis-sewwieqa tal- karozzi.
Kif qed tħares lejn il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra?
Filwaqt li ninsab ħerqan u eċitat għal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, inhossni ppreparat biex nagħti l-aħjar tiegħi. Għamilt ħafna sagrifiċċji u għalhekk inħossni ppreparat għal dan l-avveniment.
U lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb ?
Kif diġá għidt iċ-ċikliżmu huwa parti mportanti f’ħajti, ma nistax nimmaġina ħajti mingħajr rota . Il-ħolma tiegħi hi li nsir professjonist f’dan l-isport . Naf li mhijiex xi ħaġa faċli imma xorta waħda nibqa nipprova sakemm nasal.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika ċ-ċikliżmu.
Għal dawk iż-żgħażagħ jew tfal li qed jaqraw din l-intervista, nixtieq ngħidilhom li apparti fl-aspett ta’ saħħa , ċ-ċikliżmu jgħinek mentalment . Is-suċċess ma jiġix mil-lejl għal nhar imma b’ħafna impenn, taħriġ u sagrifiċċji, b’dan kollu tasal għal dak kollu li tixtieq. U kif inħobb ngħid jien dejjem iġri wara l-ħolm tiegħek u taqta’ qalbek qatt!