Monday, May 12, 2025

Filwaqt li t-talent huwa ferm importanti, mingħajr id-determinazzjoni, id-dixxiplina, u l-passjoni żgur mhux se tilħaq livell għoli – Jamie Pace Mizzi

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Fil-veritá, meta kont iżgħar, l-ewwel sport li kont nipprattika kien il-football. Kien missieri li dejjem kellu mħabba għall-waterpolo u li ħeġġiġni biex nippruvah. Kelli disa’ snin u bilkemm kont għadni naf ngħum; anzi kont kważi nibża’ mill-ilma. Iżda wara xi sessjonijiet ta’ taħriġ, dik in-namra li kellu missieri lejn dan l-isport nibtet ġo fija wkoll. Ftit żmien wara iddeċidejt li nwaqqaf il-football sabiex niddedika il-ħin u l-enerġija kollha għall-waterpolo biss. Din l-imħabba għall-waterpolo, kif ukoll is-serjetá u l-bżulija, wassluni fejn jien illum.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Marsascala ASC sa issa.

Dawn l-aħħar sentejn ħassejthom importantissimi ghalija u l-iżvillup tiegħi bħala plejer, fejn taħt il-gwida tal-kowċ Arpad Babay tgħallimt ħafna, kif ukoll ġbart esperjenża konsidorevoli fil-kampjonat tal-kbar, li jitlob mentalita’ kompletament differenti mil-logħob tal-age groups. Sabiex jien issa sirt meqjus bħala plejer prominenti ta’ Marsaskala, kelli l-ewwel nidra l-rwol tiegħi f’dan it-tim ġdid u kif nieħu r-risponsibilta’ ta senior player, li għall-ewwel sibtha ftit diffiċli. Iżda wara li ħadt din it-tgħalima donnu kollox beda jaqa’ f’postu, u allavolja ġieli kellna mumenti iebsin bħala klabb, nista’ ngħid b’kunfidenza li d-deċiżjoni li niġi ma’ Marsakaskala kienet waħda pjuttost tajba għalija.

X’inhuma t-tragwardi tagħkom għas-sajf li ġej?

Peress li aħna qiegħdin tim vera żgħira fl-eta’ – għandna eta’ medja ta’ xi 17-il sena – huwa l-għan tagħna li niġbru kemm jista jkun esperjenza ħalli fis-sentejn li ġejjin nisperaw li jkollna tim sod ħafna mimli talent żgħir. Għalhekk m’hemmx opportunita’ aħjar biex nagħmlu dan milli l-kampjonat tas-sajf, fej nixtiequ niksbu l-aħjar post possibli. Ħa nkunu qed nilagħbu ma’ timijiet ta’ livell madwar tagħna, allura jekk inpoġġu moħħna hemm, jien nemmen li nistgħu niksbu riżultati tajbin ma’ kwalunkwe tim.

Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?

Fl-opinjoni tiegħi, il-fatt li t-tim nazzjonali ta Malta dejjem jiġi mal-ewwel 16 fl-Ewropa huwa biżżejjed biex jikkonvinċik li l-waterpolo Malti huwa ta livell għoli ħafna, speċjalment jekk tikkunsidra l-ammont żgħir ta plejers li għandna kkumparati ma pajjiżi oħrajn. Barra minn hekk, hawn numru ta plejers Maltin li ukoll jitilgħu barra jitħargu u jilgħabu ma timijiet f’uħud mill-aktar kampjonati important fl-Ewropa u jirnexxu, li turi li hawn talent ta kwalita’ fil-water polo Malti.

Madanakollu, bħala pajjiż għad baqalna ħafna xi ntejbu, speċjalment fis-serjeta’ u l-ammont ta taħrig, sabiex noqorbu l-ewwel tmien timijiet ewropej. Pero’ nemmen li qiegħdin fuq it-triq it-tajba.

U dak tar-riżorsi (pixxini) fejn titħarrġu tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Ikolli ngħid li riċentement f’Malta kien hemm avvanz kbir f’dan l-għadd, bil-kostruzzjoni ta pixxini ġodda fil-Kottonera, Birkirkara, Għawdex, eċċ. Dawn il-faċilitajiet iħalluna nittrenjaw iktar regolari u għall-ħinijiet itwal, li qabel kienet problema peress li kważi l-klabbijiet kollha kienu jispiċċaw jaqsmu l-pixxina nazzjonali ta Tal-Qroqq bejniethom.

Bilfors trid issemmi ukoll l-investiment li sar sabiex Malta issa qed tilqa’ l-European Champions League Final Four, li huwa possibilment l-akbar avveniment fil-waterpolo, għas-snin 2024, 2025 u 2026.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?

F’dawn is-snin li ġejjin, jien irrid li nibqa ntejjeb lili nnifsi ma Marsaskala u ngħin it-tim tiegħi jikseb suċċess kemm huwa possibbli fl-ewwel diviżjoni ta Malta.  Kienet f’moħħi ukoll li forsi nitla nilgħab barra minn Malta ghal ammont ta żmien, li kieku żgur tkun esperjenza ferm sabiħa li tgħin il-karriera tiegħi fl-isport.

Għall-futur, hija ambizzjoni kbira tiegħi li nilħaq pożizzjoni fejn niġġieled għal, jew anke nirbaħ, il-Kampjonat Premier, li kieku jkun suċċess li jfisser ħafna għalija. Ovvjament, nixtieq ukoll nikseb il-prestiġju li nifforma parti mit-tim nazzjonali ta’ Malta sabiex nirrapreżenta lil pajjiżi fix-xena internazzjonali ukoll.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jaghmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.

Tfal jew żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu karriera fil-waterpolo jistgħu jimmiraw li jilagħbu f’kampjonat lokali ta’ livell għoli ħafna, tant li jiġbed uħud mill-aqwa plejers barranin tad-dinja biex jiġu jilagħbu fil-kampjonat tas-sajf. Dan ifisser li plejerrs Maltin ikollhom l-opportunitá li jitħarrġu u jilagħbu ma’ plejers ta’ kalibru internazzjonali, filwaqt li jagħmlu karriera professjonali mid-dixxiplina tal-waterpolo.

Jien li ilni nilgħab dal-isport għal disa’ snin, tgħallimt ċertezza waħda – li filwaqt li t-talent huwa ferm importanti, mingħajr id-determinazzjoni, id-dixxiplina, u l-passjoni żgur mhux se tilħaq livell għoli. Ukoll ta’ min wieħed jirrealiżża li kemm f’mumenti sbieħ u anke f’mumenti diffiċli, qatt m’għandek taqta’ qalbek, u minflok tara x’tista’ tagħmel inti biex tissaħħaħ u titjieb. Għalija personali, is-sbuħija tal-waterpolo hija li inti tikber, tiżviluppa, titlef, tirbaħ, u tirnexxi bħala tim – u dik is-sensazzjoni hija diffiċli biex tiddeskriviha bil-kitba!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport