Minħabba l-kriżi politika li għaddejja f’Niger, miljuni ta’ tfal spiċċaw f’riskju ta’ ġuħ kbir … u bħal donnu d-dinja lil dawn it-tfal ma tafhomx.
Kien Stefano Savi r-rappreżentat ta’ UNICEF fil-pajjiż li wera dan it-tħassib fejn qal li fin-Niger diġà kien hemm sitwazzjoni prekarja ħafna u issa bil-kolp ta’ stat is-sitwazzjoni għal miljuni ta’ tfal marret ħafna għal agħar.
Skont Savi, din il-kriżi diġà affetwat aktar minn 2 miljun tifel u tifla li qegħdin jistennew bil-ħniena assistena umanitarja minn pajjiżi ferm aktar żviluppati.
Qabel il-kriżi politika fil-pajjiż, hu stmat li kien hemm aktar minn 1.5 miljun tifel u tifla li għandhom inqas minn ħames snin li mhux qed ikollhom ikel tajjeb biex jikbru f’saħħithom.
Issa minħabba li s-sitwazzjoni marret ħafna għall-aħar fejn il-pajjiż daħal f’riċessjoni kbira, u l-prezzijiet tal-affarijiet bażiċi fosthom ikel splodew ‘il fuq in-numru ta’ tfal “vittmi tas-sistema” qed jiżdied kuljum.
Il-UNICEF fejn tista’ qiegħda tkompli tassisti lil dawn it-tfal madwar Niger, iżda xorta waħda mhux qed ikollha riżorsi biżżejjed biex tgħin lil kulħadd.