Thursday, December 26, 2024

Finali tal-FA Cup: L-ewwel darba għal Klopp jew Tuchel

Aqra wkoll

F’ripetizzjoni tal-finali tal-League Cup ta’ dan l-istaġun, illum Liverpool u Chelsea se jerġgħu jmorru ras imb’ras f’Wembley Stadium – din id-darba fil-141 finali tal-FA Cup mindu l-kompetizzjoni bdiet 150 sena ilu. Liverpool rebħu l-League Cup fi Frar bil-pe­nalties u r-Reds se jkunu qed ifittxu li jżidu t-tieni trofew mill-quadruple possibbli.

It-team ta’ Liverpool immexxi minn Jurgen Klopp jinsab it-tieni fil-klassifika tal-Premier League u wkoll fil-finali tal-UEFA Cham­pions League.

Mill-ħatra tiegħu fl-2015 huwa mexxa lill-club ta’ Anfield għal ħames trofej. Jekk illum il-captain Jordan Henderson jgħolli t-tazza, ikun qed jara lill-manager Ġermaniż “jgħaqqad is-sett” – il-Premier League, l-FA Cup, il-League Cup, iċ-Cham­pions League, is-Super Cup u t-Tazza tad-Dinja tal-Clubs tal-FIFA.

“Inħobb assolutament din il-kompetizzjoni,” kiteb Klopp fin-noti tal-programm tiegħu. “Nagħraf l-importanza tagħha fl-istorja tal-club tagħna stess u kemm tfisser għall- partitarji tagħna.”

Il-manager ta’ Chelsea, Tho­mas Tuchel, ukoll qed ifittex l-ewwel titlu tal-FA Cup. Fl-ewwel sena tiegħu fi Stamford Bridge, Chelsea rebħu ċ-Champions Lea­gue, il-UEFA Super Club u t-Tazza tad-Dinja tal-Clubs tal- FIFA, iżda tilfu l-finali tal-FA Cup 1-0 kontra Leicester City. “Din hija logħba kbira f’kull sens,” kiteb Tu­chel. 

“F’dawn il-jiem, jekk tilgħab fil-finali kontra Liverpool jew Manchester City, ma tistax tkun akbar.”

Il-bookmakers qed ipoġ­ġu lil Liverpool bħala favoriti li jgħollu t-tazza prestiġjuża, filwaqt li Chelsea huma pprezzati inqas minnhom. Ir-Reds huma wkoll favoriti ħafna mal-opinjonisti u kummentaturi.

Wieħed minnhom qal: “Logħba miftuħa” fil-finali enormi tas-Sibt. Ir-rebħ tal-ewwel FA Cup ikun “il-mod perfett” għal Klopp biex jiċċelebra l-estensjoni riċenti tal-kuntratt tiegħu, filwaqt li s-”saħta ta’ Wembley” ta’ Chelsea għad trid titneħħa – il-Blues tilfu l-aħħar ħames finali domestiċi tagħ­hom fl-istadium nazzjonali. 

“Nistennew li n-naħa l- ħamra tal-istadium tkun qed tiċ­ċelebra wara 90 minuta hekk kif il-miżerja tal-FA Cup tal-Blues tkompli titwal,” huwa żied jgħid. “Liverpool jirbħu 2-1.”

Dan l-istess punteġġ huwa wkoll dak li qed ibas­sru l-bookmakers: “Liverpool jiftaħru b’tant talent fl-attakk li huwa “diffiċli li tħares lil hinn minnhom” fi kwalunkwe logħba, huwa qal. 

Sadio Mane huwa “l- aħ­ħar eroj għal Liverpool fir-rebħ tal-partiti tagħhom.

”Jekk jonqos hu, “ikun hemm Mohamed Salah, Luis Diaz, Diogo Jota, Roberto Firmino, u anke Divock Origi”.

Liverpool se jidħlu f’din il-partita b’“kull twemmin” li jistgħu jegħlbu lil Chelsea. 

Bil-quadruple għadha possibbli, u l-forma riċenti ta’ Chelsea, dan jidher li l-FA Cup se “tmur lura lejn Merseyside għall-ewwel darba mill-2006”.

Peró fil-football kollox huwa possibbli.

F’dawk li huma formazzjonijiet probabbli Chelsea għandhom lill- midfielder Mateo Kovacic dubjuż waqt li N’Golo Kante qed jitħabat biex ikun f’siktu.

Dan iħalli lil Jorginho, Ruben Loftus-Cheek u Saul Niguez l-għażliet l-oħra għal Tuchel.

Min-naħa ta’ Klopp jidher li se jkollu lil Fabinho barra wara li weġġa’ kontra Aston Villa nhar it-Tlieta.

Iż-żewġ logħbiet tal- kampjonat intemmu fi draws ta’ 2-2 b’Liverpool jirbħu l-League Cup bil-penalties wara draw ieħor.

Ir-referee se jkun Craig Pawson.

Ekonomija

Sport