Il-leaders tal-Premier League Ingliż, Arsenal, għada se jikkontestaw il-finali tal-League Cup meta f’Wembley Stadium jiltaqgħu kontra Manchester City.
Il-Gunners, li għandhom team kompetittiv, jinsabu biċ-ċans li jirbħu l-Quadruple meta jinsabu f’din il-finali, u fil-kwarti-finali tal-FA Cup u taċ-Champions League.
Min-naħa l-oħra Wembley jistenna lil Manchester City u wieħed mit-tliet ċansijiet li fadlilhom għal trofew jinsab f’Riskju hekk kif se jiffaċċjaw lil Arsenal ta’ Mikel Arteta.
Is-City sofrew eliminazzjoni bikrija miċ-Champions League nhar it-Tlieta filgħaxija, meta tilfu għat-tielet darba konsekuttiva fil-fażi tan-knockout kontra Real Madrid. It-team ta’ Pep Guardiola daħal fit-tieni leg b’muntanja x’jitla’, 3-0 minn taħt grazzi għal hat-trick ta’ Federico Valverde fl-ewwel leg il-ġimgħa l-oħra.
Għada s-City għandhom opportunità kbira biex idawru vantaġġ billi jirbħu l-ewwel trofew tagħhom f’żewġ staġuni – u ċans li jħallu lil Arteta u lit-team tiegħu xi ħaġa fuqhiex jaħsbu għall- bqija tal-istaġun.
Il-vjaġġ tagħhom sal-finali rahom jegħlbu lil Huddersfield, Swansea, Brentford u Newcastle – bi 12-il goal skorjati u tnejn biss kontra – sensiela li aktar milli jistħoqqilhom posthom fil-finali.
It-triq ta’ Arsenal lejn Wembley inkludiet rebħiet kontra Port Vale, Brighton, Crystal Palace u Chelsea. Madankollu, dan wara li kellhom bżonn penalty shootout biex jegħlbu lill-Palace.
Iż-żewġ naħat għandhom punt x’jippruvaw. Għas-City, hija opportunità biex juru li għadhom forza li wieħed irid iqisha, team li għadu kapaċi jbeżża’ lill-avversarji tagħhom. Għal Arsenal u Arteta, huwa ċans biex juru li għandhom dak li hemm bżonn biex jirbħu trofew.
Arsenal għandhom lil Mikel Merino barra sal-aħħar tal-istaġiun iżda, Martin Odegaard u Jurrien Timber mistennija jkunu tajbin biex jilagħbu.
Min-naħa tas-City, Josko Gvardiol għadu barra iżda Mateo Kovacic jinsab lura wara żmien twil imweġġa’.
Iż-żewġ managers iltaqgħu 15-il darba mindu Arteta ħalla r-rwol ta’ assistent ta’ Guardiola. F’dan iż-żmien Guardiola rebaħ tmien logħbiet, Arteta erbgħa u tlieta ntemmu fi draws.
F’dik li hija statistika s-City rebħu t-tazza tmien darbiet u Arsenal darbtejn, l-aħħar waħda 33 sena ilu waqt li spiċċaw finalisti sitt darbiet.
Arsenal tilfu biss tnejn mill-aħħar 15-il logħba tagħhom f’Wembley, waħda minnhom kienet il-finali ta’ din it-tazza kontra Manchester City fl-2018.
Din se tkun il-31 żjara tas-City f’Wembley mill-ftuħ mill-ġdid fl-2007; u lagħbu hemm kull staġun għall-aħħar 16-il sena.
*Ir-referee se jkun Peter Bankes.
FIL-PREMIER LEAGUE
*Bil-programm ridott għal tmien logħbiet minħabba l-finali tal-League Cup u Bournemouth u Manchester United lagħbu lbieraħ, illum u għada se jintlagħbu seba’ logħbiet bis-sitt timijiet wara l-United kollha jkunu fl-azzjoni.
Aston Villa se jilqgħu lil West Ham fejn jippruvaw iżommu r-raba’ post ħalli jkunu fiċ-Champions League. Il-Hammers jinsabu fit-taqtiegħa kontra r-relegazzjoni u għalhekk il-Villans iridu joqogħdu attenti meta mill-aħħar sitt logħbiet ħadu żewġ rebħiet, tliet draws u sofrew telfa.
Liverpool, li ġejjin minn rebħa tajba ta’ 4-0 fuq Galatasaray fiċ-Champions League, se jmorru għand Brighton li ġeneralment dejjem ikidduhom fil-kampjonat.
Is-Seagulls jinsabu trankwilli f’nofs il-klassifika u meta m’għandhom xejn x’jitilfu, ir-Reds iridu joqogħdu attenti minnhom.
Chelsea, li jiinsabu punt wara Liverpool imorru għand Everton li qishom qed iħabbtu fuq il-bieb biex jikkompetu fl-Ewropa għalkemm fl-aħħar logħba l- goalkeeper Jordan Pickford kellu tort fiż-żewġ goals li sofrew kontra Arsenal.
Fulham se jkunu fi Craven Cottage biex jilqgħu lil Burnley li huma mhedda mir-relegazzjoni, disa’ punti bogħod mis-salvazzjoni, bil- Cottagers jirbħu żewġ punti iktar mill-Clarets minn żewġ rebħiet u draw kontra rebħa u żewġ draws minn dawn tal-aħħar.
Tard illum filgħaxija Leeds Uited, li huma fit-taqtiegħa kontra r-relegazzjoni wkoll jiffaċċjaw lil Brentford li wkoll qed iħabbtu l-bieb għall-Ewropa.
Il-logħba ta’ għada waqt l-ikla ta’ nofsinnhar hija d-Derby tan-North East li fiha Newcastle se jilqgħu lil Sunderland bil-Magpies fe-ruti waħda sew b-umiljazzjoni ta’ 7-2 li sofrew kontra Barcelona fil-UEFA Champions League.
F’logħba oħra għal għada Tottenham Hotspur se jiltaqgħu kontra Nottingham Forest wara l-avventura tagħhom fl-Ewropa fejn Spurs għelbu lil Atletico Madrid iżda nqalgħu bl-aggregate u l-Forest rebħu 3-0 bil-penalties kontra d-Daniżi Midtjylland.
Iż-żewġ timijiet jinsabu fl-ikwiet tar-relegazzjoni, għalhekk żelqa minn xi ħadd tista’ tfsser katastrofi.

