L-ewwel unur tal-istaġun tal-football Ingliż se jiġi mirbuħ illum hekk kif fil-5.30 pm ħin ta’ Malta, Manchester United u Newcastle United jiltaqgħu fil-finali tal-League Cup f’Wembley Stadium.
Ir-Red Devils qed ifittxu l-ewwel trofew tagħhom taħt il-manager Erik Ten Hag filwaqt li l-Magpies qed ifittxu l-istess taħt Eddie Howe, fejn huma wkoll jippruvaw itemmu nixfa ta’ trofej li ilha sejra għexieren ta’ snin.
Il-logħba għandha tkun waħda missielta bejn żewġ naħat li s’issa qed ikollhom staġun b’saħħtu, tant li tista’ tinżel għal differenza ta’ goal wieħed bejniethom.
Donny van de Beek u Christian Eriksen huma barra filwaqt li Harry Maguire, Antony u Anthony Martial qed jiġu assessjati minn Manchester United.
Newcastle għandhom lill- goalkeeper Nick Pope sospiż filwaqt li se jsir test aħħari fuq Joe Willock wara li tilef il-logħba fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kontra Liverpool.
Minflok Pope mistenni jilgħab il-Ġermaniż, Loris Karius, li kien ġie mwarrab minn Liverpool wara l-iżbalji li kkommetta fil-finali taċ-Champions League tal-2018 kontra Real Madrid li dawn rebħu 3-1.
Madankollu, hemm tama li Joelinton ikun tajjeb għal-logħba, filwaqt li Bruno Guimaraes reġa’ lura minn sospensjoni u Matt Targett huwa wkoll lest li jkun disponibbli.
Dan l-istaġun l-ewwel logħba ta’ bejniethom li saret f’Ottubru ntemmet fi draw ta’ 0-0 f’Old Trafford u bħalissa jinsabu ma’ ta’ fuq fil-Premier League, il-United fit-tielet post b’49 punt minn 24 logħba u l-Magpies il-ħames b’41 punt minn 23 partita.
Manchester United rebħu t-tazza ħames darbiet waqt li sfaw megħluba erba’ darbiet bi Newcastle għadhom qed jistennew l-ewwel suċċess tagħhom meta għalihom din se tkun it-tieni finali wara li fl-1976 kienu tilfu 2-1 kontra Manchester City.
Il-finali se tkun ir-raba’ darba li ż-żewġ timijiet se jiltaqgħu kontra xulxin fl-istorja tal-kompetizzjoni bit-tlieta preċedenti żvolġew hekk:
1976 – fir-raba’ round kienu l-United li rebħu 7-2 b’goals minn Gordon Hill 3, Stuart Pearson, Stewart Houston, Steve Coppell u Jimmy Nicholl waqt li Micky Burns u Irving Nattrass wieġbu għal Newcastle.
1994 – fit-tielet round Newcastle rebħu 2-0 f’St James Park b’goals minn Philippe Albert u Paul Kitson.
2012 – fit-tielet round, reġgħu kienu l-United li rebħu 2-1 bil-goals jiġu minn Anderson u Tom Cleverley b’dak tat-telliefa jiskorjah Papiss Cisse.
KIF AKTARX JILAGĦBU
Man Utd: David De Gea, Aaron Wam-Bissaka, Luke Shaw, Raphael Varane, Lisandro Martinez, Casemiro, Fred, Bruno Fernandez, Jadon Sancho, Antony, Marcus Rashford.
Newcastle U.: Loris Karius, Kieran Tripper, Dan Burn, Fabian Schar, Sven Botman, Sean Longstaff, Bruno Guimaraes, Joelinton, Allan Saint-Maximin, Miguel Almiron, Callum Wilson.
Ir-referee se jkun David Coote li għalih il-finali se tkun l-ewwel waħda maġġura tiegħu.