Paris St-Germain.. 5
Inter………………… 0
Paris St-Germain rebħu l-UEFA Champions League għall-ewwel darba fl-istorja meta b’dominanza assoluta għelbu lil Inter bl-iskor ta’ 5-0.
Kienu l-Pariġini li ħarġu tajjeb u fit-12-il minuta fetħu l-iskor meta Vitinha fetaħ għal kollox lid-difiża Interista meta għadda lil Desire Doue li żmarka għal kollox lil Achraf Hakimi li bil-kalma kollha ddepożita l-ballun fix-xibka.
Iddemoralizzati għall-aħħar, Inter ippruvaw jagħmlu reazzjoni iżda kienu l-Pariġini li rduppjaw meta, fl-20 minuta, ħarbu b’kontrattakk meta Khvicha Kvaratskhelia għadda lejn Ousmane Dembele li xeħet cross lejn Desire Doué fuq in-naħa l-oħra li kważi minn tarf il-kaxxa venven xutt li ġie devjat minn Federico Dimarco bil-ballun iqarraq għal kollox bil-goalkeeper, Yann Sommer.
Fit-37 minuta, Inter heddew iżda kien Willian Pacho li nterċetta l-cross fil-baxx ta’ Hakan Calnahoglu li kien sejjer f’saqajn Marcus Thuram biex jitfa’ l-ballun fix-xibka.
Minuta qabel tmiem l- ewwel taqsima Dembele falla ċans tad-deheb li jagħmilhom tlieta meta falla l-mira mill-pass ta’ Doué.
Fit-tieni taqsima, il-Pariġini naqqsu r-ritmu iżda xorta waħda baqgħu jiddettaw u jiddominaw l-andament tal-logħob.
U bin-Nerazzurri diżorjentati għall-aħħar, fis-63 minuta, il-Franċiżi għalqu l-partita meta azzjoni bejn Ousmane u Vitinha spiċċat b’Desire Doué jegħleb lill- goalkeeper Sommer b’xutt fil-baxx.
Fis-73 minuta, Khvicha Kvaratskhelia skorja r-raba’ goal meta mill-pass ta’ Doué għeleb in-nasba tal-offside, ġera 35 metru biex finalment sammar il- ballun fix-xibka.
U Fis-87 minuta, Senny Mayulu kompla l-umiljazzjoni ta’ Inter li l-wirja tagħhom kienet tant diżappuntanti.