Id-difensura ta’ Spanja Olga Carmona, li skorjat l-uniku goal tal-finali tat-Tazza tad-Dinja tan-Nisa 2023 kontra l-Ingilterra, kellha ċ-ċelebrazzjonijiet maqtugħa ħesrem hekk kif ġiet notifikata bil-mewt ta’ missierha.
Carmona, 23 sena, kienet strumentali biex l-Ispanjoli rebħu dan l-unur għall-ewwel darba.
Missier id-difensur xellugi ta’ Real Madrid kien ilu jiġġieled kontra marda twila u miet nhar il-Ġimgħa … jumejn qabel il-finali.
“Naf li kont qed tarani llejla u naf li int kburi bija. Strieħ fis-sliem papà,” kitbet Carmona fuq il-midja soċjali.
Carmona inkludiet ritratt tbus il-midalja flimkien mal-messaġġ tagħha.
Hija żiedet tgħid: “U mingħajr ma kont naf, kelli l-istilla tiegħi qabel ma bdiet il-logħba. Naf li tajtni s-saħħa biex nikseb xi ħaġa unika.”
L-FA Spanjola wriet solidarjeta netta ma’ Carmona bi stqarrija fuq il-media soċjali: “L-RFEF jiddispjaċiha ħafna li tħabbar il-mewt ta’ missier Olga Carmona.
“Hija ġiet notifikata bil-mod waqt iċ-ċelebrazzjonijiet.
“Aħna nibagħtu t-tgħanniqa l-aktar sinċiera tagħna lil Olga u lill-familja tagħha f’mument ta’ niket profond. Inħobbuk, Olga, int l-istorja tal-futbol Spanjol.”