Saturday, December 28, 2024

FinanceMalta tfassal it-triq ‘l quddiem fis-servizzi finanzjarji fis-16-il konferenza annwali tagħha

Aqra wkoll

FinanceMalta se tkun qed torganizza s-16-il edizzjoni tal-konferenza annwali tagħha ferm mistennija fit-13 ta’ Settembru. Il-konferenza, li hija avveniment importanti fl-industrija tas-servizzi finanzjarji lokali, se jkollha t-tema “Leading change through innovation”, u tibni fuq is-suċċess tal-edizzjonijiet preċedenti billi toffri pjattaforma unika għall-qsim tal-għarfien u n-netwerking.

Bħala parti mir-rwol ewlieni tagħha fil-promozzjoni ta’ Malta bħala ċentru kummerċjali u finanzjarju internazzjonali, FinanceMalta torganizza dan l-avveniment annwali biex tindirizza l-aktar sfidi urġenti u xejriet emerġenti li jsawru l-qasam tas-servizzi finanzjarji.

Il-konferenza annwali tattira lista impressjonanti ta’ parteċipanti lokali u internazzjonali li tinkludi uffiċjali eżekuttivi tal-ogħla livell, dawk li jfasslu l-politika tal-Unjoni Ewropea, rappreżentanti tal-Gvern Malti, uffiċjali ta’ organizzazzjonijiet globali, investituri, innovaturi, kif ukoll akkademiċi u riċerkaturi rinomati.

F’dinja li qed tevolvi b’rata mgħaġġla xprunata mill-avvanzi teknoloġiċi, il-globalizzazzjoni, u t-talbiet tal-konsumaturi li qed jinbidlu, it-tħaddin tal-innovazzjoni huwa imperattiv fis-setturi kollha, mhux l-inqas fl-industrija tas-servizzi finanzjarji. Filwaqt li tirrikonoxxi din ir-realtà, il-konferenza għandha l-għan li tidħol fis-sinifikat tal-innovazzjoni bħala element indispensabbli għas-suċċess, it-tkabbir u l-adattabilità fix-xenarju finanzjarju dinamiku tal-lum.

Meta tkellem dwar il-konferenza li ġejja, iċ-chairperson ta’ FinanceMalta George Vella stqarr: “Qed nistennew bil-ħerqa li nospitaw l-industrija tas-servizzi finanzjarji fis-16-il Konferenza Annwali tagħna. Is-settur jinsab f’punt kruċjali, u ninsab ferħan nara li l-istakeholders kollha qed iħejju biex jipprovdu l-kontribut tagħhom, f’konformità ma’ dak li kien indikat fl-Istrateġija tas-Servizzi Finanzjarji tal-MFSAC imnedija f’Marzu li għadda.

Għandna żminijiet interessanti u eċċitanti quddiemna, u l-konferenza annwali hija biss parti minn sensiela ta’ inizjattivi promozzjonali li se twettaq FinanceMalta biex tiżgura li Malta tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha fix-xena internazzjonali, bħala ċentru finanzjarju magħruf u ta’ reputazzjoni għolja.”

Is-16-il Konferenza Annwali ta’ FinanceMalta tibda b’avveniment ta’ networking miftuħ għad-delegati kollha fit-12 ta’ Settembru fil-Hilton Malta. L-għada, it-13 ta’ Settembru, il-konferenza se tittella’ mit-8am sal-5pm bi programm dinamiku li jalterna minn diskorsi ewlenin, għal fireside chats u diskussjonijiet tal-panels.

Diversi suġġetti se jiġu esplorati matul il-konferenza inkluż ir-rwol tas-servizzi finanzjarji fl-objettivi tal-qasam ambjentali, soċjali u tal-governanza (ESG) u l-kisba tal-miri Net Zero; Green Bonds; is-servizzi finanzjarji u l-Blue Economy; l-ekosistema fintech Maltija; u l-intelliġenza artifiċjali (AI) fis-servizzi finanzjarji.

Barra minn hekk, il-konferenza se tindirizza wkoll l-implimentazzjoni tal-istrateġija mnedija mill-Kunsill Konsultattiv tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta f’Marzu 2023, fil-kuntest tal-viżjoni li Malta tkun rikonoxxuta bħala ġurisdizzjoni tas-servizzi finanzjarji kompetittiva, sigura u kredibbli, li teċċella fl-innovazzjoni permezz ta’ qafas regolatorju aġili u infrastruttura teknoloġika reżiljenti.

Għal aktar aġġornamenti, inkluża l-aġenda uffiċjali, kelliema konfermati, opportunitajiet ta’ sponsorizzazzjoni u dettalji ta’ reġistrazzjoni, żur https://www.fmannualconference.org/

Ekonomija

Sport