Monday, December 9, 2024

FinanceMalta tippreżenta l-istrateġija u l-attivitajiet għall-2024 f’laqgħa għall-membri tagħha

Aqra wkoll

Fl-ewwel attivita’ tas-sena, FinanceMalta organizzat laqgħa ta’ netwerking għall-membri tagħha, li matulha ingħatat ħarsa lejn l-opportunitajiet u l-avvenimenti li hemm ippjanati għall-2024. Aktar minn 200 persuna rreġistraw għal din l-attivita’ li wittiet it-triq għall-kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni u l-membri fix-xhur li ġejjin.

Iċ-Chairman ta’ FinanceMalta George Vella faħħar l-avveniment bħala suċċess, hekk kif ikkummenta: “Il-membri tagħna huma kruċjali fl-isforzi promozzjonali tagħna barra minn xtutna, u rridu nappoġġjawhom kemm jista’ jkun. Il-laqgħa tal-membri kienet opportunità, fost oħrajn, biex ninfurmawhom dwar dak li qed nippjanaw li nagħmlu matul l-2024, sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jippjanaw minn qabel l-attivitajiet internazzjonali tagħhom għat-12-il xahar li ġejjin. Ir-rispons fl-2023 kien qawwi, u nistennew bil-ħerqa li nkomplu nsaħħu l-kooperazzjoni mal-membri kollha tagħna”.

Il-membri ġew milqugħa għal-laqgħa miċ-Chief Operations Officer il-ġdida ta’ FinanceMalta Graziella Grech, li enfasizzat l-impenn li l-membri jingħataw opportunitajiet ta’ viżibilità permezz ta’ avvenimenti lokali u internazzjonali. Is-Sinjura Grech irrimarkat: “L-involviment attiv tal-membri huwa indispensabbli biex jintlaħaq l-għan ġenerali li nippromwovu lil Malta bħala ċentru finanzjarju internazzjonali, u għalhekk l-importanza ta’ din il-laqgħa. Ir-rispons mill-attivitajiet tas-sena li għaddiet kien inkoraġġanti u jimliena b’determinazzjoni u ottimiżmu għas-sena li ġejja.”

Il-laqgħa tal-membri kienet indirizzata wkoll miċ-Chief Strategy Officer ta’ FinanceMalta Dr Bernice Buttigieg li informat lill-parteċipanti dwar il-prijoritajiet strateġiċi għall-Fondazzjoni, u minn Andrea Nurchi, Head of Business Development, li ppreżenta l-inizjattivi promozzjonali ppjanati għall-2024.

Ekonomija

Sport