Gvern Laburista seta’ jressaq quddiem il-Parlament il-budget li ressaq għaliex il-Finanzi tal-pajjiż jinsabu tassew fis-sod. Il-qagħda finanzjarja tal-pajjiż ippermettiet lill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana jippreżenta budget li kif ġie deskritt mill-Prim Ministru Robert Abela, bħala l-aqwa wieħed li qatt kellu l-pajjiż.
Huwa żgur l-aqwa budget għall-eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin, partikolarment dawk mill-middle class, imma b’saħħa kbira wkoll favur l-aktar familji li huma fil-bżonn għall-għajnuna biex ikomplu jtejbu l-kwalita tal-ħajja tagħhom. Qatt fl-istorja ta’ dan il-pajjiż ma ingħatat tax cut daqstant qawwija li se tara fl-ewwel sena ta’ pjan ta’ tlett snin, €160 miljun imħollija fil-bwiet tal-Maltin u l-Għawdxin. U dan wara li matul din is-sena li qed toqrob biex tintemm, Gvern Laburista se jkun ħalla fi bwiet il-Maltin xejn inqas minn €140 miljun oħra permezz tat-tax cut li kienet tħabbret sena ilu.
Gvern Laburista fl-aħħar tnax-il sena irniexxielu jsaħħaħ l-ekonomija Maltija b’mod li Malta qatt ma kienet rat tkabbir ekonomiku qawwi, sena wara sena bħalma rat f’dawn is-snin.. Ħlief għas-snin diffiċli matul il-pandemija, ir-rata tat-tkabbir ekonomiku f’Malta kienet dejjem waħda qawwija li ppermettiet lill-Gvern Laburista jattwa programm ambizzjuż ta’ riformi li ġabu magħhom aktar tkabbir u aktar titjib fil-kwalita tal-ħajja tan-nies.
Il-viżjoni li konna wrejna lill-poplu sa minn qabel l-elezzjoni tal-2013 wettaqniha sena wara l-oħra u mill-ewwel kienet bdiet tagħti riżultati pożittivi. Bdejna bir-riforma kbira tat-traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, l-istabbilita fil-prezzijiet tal-fuels u l-enerġija, iċ-childcare b’xejn, l-inċentivi kbar għall-investiment, kollha riformi li ġabu magħhom tisħiħ ekonomiku li wassal għal introjtu ferm akbar għall-Gvern. Żdiedu bl-eluf in-nisa fid-dinja tax-xogħol filwaqt li mhux talli ġie eliminat il-qagħad fost il-Maltin imma li wkoll kellhom jiġu ħaddiema barranin biex inlaħħqu mad-domanda kbira għax-xogħol li kellna fil-pajjiż.
Dan kollu wassal biex l-attivita fil-pajjiż żdiedet sew u bit-titjib qawwi fil-kwalita tal-ħajja, in-nies bdew ukoll jikkonsmaw aktar. B’hekk il-pajjiż kellu quddiemu l-prova li l-politika ta’ awsterità li mexxew biha n-Nazzjonalisti fis-snin qabel l-elezzjoni tal-2013 kienet politika ta’ falliment, politika li imponiet it-taxxi u l-ispejjez fuq eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin.
Iż-żieda fl-attivita ekonomika wassal biex id-dħul tal-Gvern issaħħaħ ukoll permezz tal-miżuri li ttieħdu biex jitjieb il-ġbir tat-taxxi. L-iżvilupp kompla jseħħ, b’appoġġ sħiħ mill-gvern fl-oqsma tat-Turiżmu, l-iGaming, is-settur Finanzjarju, tal-Farmaċewtika, tal-kumplament tal-manifattura u oqsma oħra, kollha irrendew bil-kbir għad-dħul tal-Gvern. Anke l-mod kif Gvern Laburista mexxa tul il-pandemija fejn irnexxielu jżomm fl-impjieg madwar 100,000 ħaddiem, wassal biex l-irkupru minn din id-daqqa li qala’ l-pajjiż ikun wieħed mgħaġġel, ferm aktar minn ta’ pajjiżi Ewropej oħra.
Bl-għaqal tal-Gvern Laburista, fl-aħħar tlett snin erġajna rajna jibda nieżel id-defiċit tal-pajjiż tant li l-Ministru Caruana ħabbar fid-diskors tal-Budget li s-sena d-dieħla se naraw id-defiċit mill-ġdid taħt it-3%. Anke d-dejn tal-pajjiż reġa tniżżel taħt il-livell ta’ 50% tal-prodott domestiku gross, ċifra li hija l-għira għall-pajjiżi kbar Ewropej li qed iħabbtu wiċċhom ma’ djun enormi li jaqbżu l-100% tal-prodott domestiku gross tagħhom.
Budget bħal dak li tressaq din il-ġimgħa huwa riżultat ta’ ħidma ta’ Gvern għaqli li qed jieħu ħsieb l-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż. Ma kienx ikun possibbli budget bħal dan li kieku l-ekonomija u l-finanzi tal-pajjiż ma kienux fl-istat mill-aqwa li jinsabu fihom illum. Il-familji Maltin u Għawdxin għandhom is-serħan il-moħħ li s-sena d-dieħla, se jkunu qed jibbenefikaw minn dan kollu għaliex fit-tmun tal-pajjiż hemm nies kompetenti li lilhom jistgħu jafdaw bil-finanzi tal-pajjiż. Il-familji jafu li dan il-budget mibni fuq ekonomija b’saħħitha qiegħed jagħti wkoll futur għal uliedna.

