Sunday, November 24, 2024

Finanzjament għat-tisħiħ tal-kultura lokali f’49 lokalità

Aqra wkoll

49 kunsill lokali minn madwar Malta u Għawdex ġew iffinanzjati madwar €800,000 bejniethom permezz tal-iskema għall-Attivitajiet Kulturali Annwali 2023/2024. L-għan ewlieni ta’ din l-iskema huwa li jgħin lill-kunsilli lokali biex itellgħu attivitajiet kulturali fil-qalba tal-lokalitajiet madwar il-gżejjer Maltin. Din l-iskema ta’ finanzjament tinħareġ mid-Dipartiment tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali u hija parzjalment iffinanzjata mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

L-għanijiet wara dawn l-attivitajiet kulturali jinkludu li tiżdied il-promozzjoni tal-kultura u l-wirt kulturali uniku tal-lokalitajiet, u li jiżdied l-element turistiku lokali, l-innovazzjoni, il-kreattività, l-kwalità u s-sostenibbiltà tal-attivitajiet kulturali lokali. Dan filwaqt li jissaħħaħ l-impatt soċjo-ekonomiku fil-lokalitajiet Maltin u Għawdxin għal ġid tar-residenti.

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.

Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka kif l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qiegħda tkun proattiva biex tipprovdi l-inċentivi neċessarji li permezz tagħhom l-ibliet u l-irħula tagħna jkunu vetrina kulturali għat-turisti li jżuruna.

“Il-kunsilli lokali huma kontributuri importanti li permezz tagħhom inkomplu ntejbu l-prodott turistiku li joffri pajjiżna. L-impenn tagħna jibqa’ dak li l-Gżejjer Maltin ikunu destinazzjoni li joffru attrazzjonijiet iddiversifikati matul is-sena kollha,” kompla jgħid il-Ministru Bartolo.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li l-attivitajiet kulturali lokali għandhom rwol vitali fil-preservazzjoni u l-promozzjoni tal-wirt uniku tal-komunità, filwaqt li jarrikkixxu l-ħajja tar-residenti.

“Il-Gvern kommess li jibqa’ jinvesti fil-kultura Maltija u f’attivitajiet kulturali lokali għaliex nemmnu li l-kultura ssawwar u tagħtina l-identità tagħna” saħqet is-Segretarju Parlamentari. Hija faħħret ukoll lill-kunsilli lokali kollha li ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom għal dawn il-fondi u spjegat kif attivitajiet kulturali lokali mhux biss jgħinu fil-preservazzjoni tal-kultura, iżda jħallu impatt pożittiv fuq il-qasam turistiku u ekonomiku lokali.

Il-kunsilli lokali li ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom u klassifikaw għall-fondi jinkludu 6 kunsilli lokali fi ħdan ir-Reġjun Tramuntana, 5 mir-Reġjun Lvant, 8 mir-Reġjun tal-Port, 12 mir-Reġjun tan-Nofsinhar, 7 mir-Reġjun tal-Punent u 11-il kunsill lokali fi ħdan ir-Reġjun ta’ Għawdex.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għall-Gvern Lokali Natalino Attard qal li l-kunsilli lokali huma kommessi fil-ħidma tagħhom biex jippromwovu l-wirt kulturali tal-lokalitajiet rispettivi tagħhom.

Waqt din il-konferenza kien hemm preżenti s-sindki u s-segretarji eżekuttivi rispettivi tad-49 kunsill lokali, kif ukoll rappreżentanti tad-Direttorat għall-Gvern Lokali.

Sport