Tuesday, December 23, 2025

Finanzjament kordinat mill-Gvern għaċ-Ċentru ta’ Kura Ħolistika għat-Tfal u l-Familja fil-Mosta li se jkun amministrat minn Puttinu Cares

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri u l-President tal-Fondazzjoni Puttinu Cares Angele Cuschieri, tħabbar kif il-Gvern se jkun qed jikkordina l-finanzjament ta’ €25 miljun sabiex jinbena ċ-Ċentru Ġdid ta’ Kura Ħolistika għat-Tfal u l-Familji fil-Mosta u jkun amministrat minn Puttinu Cares.

Apparti l-ispejjeż marbuta mal-bini, il-finanzjament se jkun qed jinkludi l-operat ta’ dan iċ-Ċentru għall-ewwel ħames snin. Il-finanzjament ta’ dan il-proġett se jkun ġej minn donazzjonijiet filantropiċi sostanzjali marbuta maċ-Ċittadinanza bil-Mertu.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan il-finanzjament ġej wara li l-Gvern kien diġà alloka art pubblika għal Puttinu Cares biex issa jinbena dan iċ-Ċentru li mhux biss huwa wieħed għall-kura iżda se jkun joffri appoġġ b’għadd ta’ servizzi fosthom dawk ta’ psikoloġija, terapija u anki dak edukattiv għat-tfal biex ikomplu bl-istudju tagħhom waqt il-kura. Iċ-Ċentru, li għalih hemm fondi wkoll mill-Fond għall-Kawżi Soċjali, se jgħin ukoll lill-familji li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli fosthom minħabba telf ta’ ħajja.

Dr Abela saħaq li dan huwa l-mod kif nemmnu li għandu jaġixxi Gvern li tassew ikun hemm għan-nies. “Malta li rridu hija Malta fejn fil-mument tal-bżonn, il-familji jsibu Gvern li għandu r-riżorsi u r-rieda biex isostnihom”, sostna l-Prim Ministru hu jisħaq li bħala Gvern nemmnu fil-politika li tagħmel differenza reali fil-ħajja tan-nies. “Illum qed niddikjaraw, wara qbil unanimu fil-Parlament dwar emendi legali, li dawk li ser jagħtu donazzjonijiet filantropiċi sostanzjali lil Puttinu Cares għal dan il-proġett se jkunu ikkunsidrati għal ċittadinanza abbażi tal-mertu, dejjem jekk jgħaddu stadji oħra bħal dak ta’ due diligence”, spjega l-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Prim Ministru rrefera għal esperjenzi li kellu ma’ Puttinu Cares fosthom meta żar familji fir-Renju Unit u fisser lil Puttinu Cares bħala familja li toffri spalla lil dawk li jkunu għaddejjin minn mumenti diffiċli. Huwa rringrazzja lil Puttinu Cares tal-ħidma siewja anki permezz ta’ għadda ta’ voluntiera f’Malta li fiha s-solidarjetà hi b’saħħitha. Qal li ma’ Puttinu Cares u mal-familji, il-Gvern se jkun magħhom f’appoġġ f’Malta magħquda.

Fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, il-Ministru Byron Camilleri qal, “Dan il-proġett ta’ Puttinu huwa proġett li se jtella’ f’livell ieħor l-appoġġ lil dawk li jkunu għaddew mill-kura tal-kanċer. Huwa għalhekk li nqisuh proġett ta’ importanza nazzjonali u huwa proġett li nemmnu li jistħoqqlu kull appoġġ biex jibda jaħdem kemm jista’ jkun malajr, u biex jitħaddem bl-aqwa mod.”

Żied jgħid, “Għalhekk irridu naraw li dan il-proġett, li l-Gvern diġà beda jagħti l-appoġġ għalih, inkluż bl-art, ikollu kemm ir-riżorsi materjali meħtieġa biex jitlesta u jaħdem, iżda wkoll il-ħiliet professjonali biex nesploraw li f’Malta nagħtu wkoll servizzi li għad m’għandniex sa issa.

“Huwa f’dan il-kuntest li lesti napplikaw il-proveddimenti tal-liġi taċ-ċittadinanza bil-mertu kif approvata mill-Parlament b’mod unanimu iktar kmieni din is-sena, biex min jagħti kontribut filantropiku sinjifikanti u sostanzjali għal dan il-proġett ikun ikkunsidrat għaċ-ċittadinanza. Naturalment dan skont regolamenti stretti u diversi rekwiżiti oħra. Però l-ħsieb tagħna hu ċar. Dan proġett importanti għal Malta u ta’ interess nazzjonali għax imiss ma’ tant familji u hija rabta sabiħa li wieħed jista’ jkollu mal-ħolqien u t-tħaddim ta’ proġett ta’ dan it-tip li se jgħin tant familji, partikolarment tfal.”

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, li saret quddiem għadd ta’ familji li jirċievu l-għajnuna mingħand Puttinu Cares, fosthom għadd ta’ tfal, il-President ta’ Puttinu Cares Angele Cuschieri qalet li dan il-proġett se jkun qed iservi biex fit-tbatijiet, Puttinu Cares jilqa’ u jkun hemm mal-ewwel mal-familji.

“Se nimxu l-mixja f’dak iż-żmien iebes magħhom. Bħalma kien ta’ ġid enormi l-proġetti fir-Renju Unit, fejn qed inservu eluf ta’ pazjenti u familji, nemmnu li dan il-proġett, din id-darba ġewwa l-Mosta, se jtaffi ħafna mit-tbatija ta’ dawn il-familji”, qalet Angele Cuschieri.

Spjegat kif il-kultura ta’ pajjiżna hija tant b’saħħitha li meta naraw lil xi ħadd għaddej minn żmien iebes, ningħaqdu u nagħmlu dak kollu possibbli biex nagħtuhom is-sapport u d-dinjità li jixirqilhom.

Wara l-konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministri Byron Camilleri u Jo Etienne Abela u t-tmexxija ta’ Puttinu Cares żaru t-tfal rikoverati f’Rainbow Ward fl-isptar Mater Dei. Hemm kellhom ftit ħin ukoll jiltaqgħu mal-familji u l-professjonisti. It-tfal ingħataw rigal tal-Milied frott il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi waqt l-inizjattiva Rigal bi Mħabba ta’ din is-sena.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport