Sunday, December 22, 2024

Finanzjament ta’ madwar €670,000 għal żvilupp u għal titjib fil-kundizzjonijiet tal-playing fields

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera ħabbar li 27 lokalità madwar Malta u Għawdex ibbenefikaw minn skema maħruġa mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali, b’finanzjament ta’ madwar €670,000, sabiex ikomplu jgħinu lill-kunsilli lokali jiżviluppaw u jmantnu spazji miftuħa għar-rikreazzjoni fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.

Il-Ministru Herrera sostna li l-isport u r-rikreazzjoni huma fatturi importanti ferm biex jgħinu persuna tgħix kwalità ta’ ħajja aħjar. Qal li l-attivitajiet fiżiċi u rikreazzjonali fil-playing fields għandhom l-għan li joffru mumenti ta’ serħan, kemm fiżiku u mentali. Għaldaqstant, permezz tal-iskema, il-familji se jkunu jistgħu jissoċjalizzaw f’post sigur u aċċessibbli għal kulħadd.

Il-Ministru Herrera ħabbar li wara l-konkorrenza li kien hemm għal din l-iskema, il-ministeru qed jerġa’ joħroġ skema ta’ finanzjament oħra għall-kunsilli lokali kollha.

Id-Direttur Ġenerali għall-Gvern Lokali, Natalino Attard, semma li s-sena l-oħra kienet inħarġet l-iskema għall-kunsilli lokali biex jiżviluppaw u jtejbu l-playing fields fil-lokalitajiet tagħhom. “Wara li ġew evalwati l-applikazzjonijiet mibgħuta, kien hemm 27 kunsill lokali li kellhom l-applikazzjoni tagħhom milqugħa. Permezz ta’ din l-iskema, il-ministeru qed ikompli jkun ta’ appoġġ lill-kunsilli lokali sabiex itejbu l-ambjent u l-faċilitajiet pubbliċi fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom”.

Il-lokalitajiet li qed jibbenefikaw minn din l-iskema huma l-Belt Valletta, l-Isla, Bormla, Ħaż-Żabbar, iż-Żejtun, il-Kalkara, Ħal Qormi, il-Gudja, il-Ħamrun, is-Siġġiewi, il-Mellieħa, Ħ’Attard, Ħal Balzan, l-Iklin, Ħal Lija, l-Imsida, San Ġiljan, Santa Venera u tas-Sliema, f’Malta, filwaqt li fil-ġżira Għawdxija l-Fontana, Għajnsielem, l-Għarb, il-Munxar, in-Nadur, San Lawrenz, ix-Xagħra u x-Xewkija.

Ekonomija

Sport