Investigazzjoni li kienet saret mill-Pulizija, l-Forzi Armati ta’ Malta u d-Dwana dwar attività suspettuża f’Hurds Bank, liema attività ġiet interċettata wara informazzjoni li wasslet biex, kaptan u membru tal-ekwipaġġ jeħlu sentejn ħabs sospiża għal kuntrabandu ta’ sigaretti. Eżatt kif saret l-interċettazzjoni, il-kaptan qal lill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li huma kienu hemm għal lampuki u sabu l-kaxxi fil-baħar. Filfatt membru tal-Forzi Armati ta’ Malta ddikjara li “kif tlajna l-iskipper qalilna li kien qed jistad għal-lampuki u waqt li kien qed jistad iltaqa’ ma’ xi kaxxi tas-sigaretti u qalilna li għabbihom.” Il-Qorti qieset dak li ntqal mill-akkużati bħala li m’għandux mis-sewwa.
Piero Di Bartolo u Trafford Vella kienu akkużati li fid-19 ta’ Awwissu tas-sena 2015, wara intervent u tfittxija li saret mill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u sussegwentement mill-Uffiċjali tad-Dwana u tal-Pulizija fuq il-bastiment CHRISTIAN II, instab li daħħlu f’dawn il-gżejjer sigaretti bla dazju. Kien hemm 30 kaxxa, b’50 kartuna kull kaxxa, b’200, sigarett kull kartuna u 12-il kaxxa, b’50 kartuna kull kaxxa, b’200 sigarett kull kartuna. Dawn is-sigaretti, għandhom valur totali ta’ €12,180, Dazju tas-Sisa dovut ta’ €66,675, kif ukoll Dazju ta’ Importazzjoni u Taxxa fuq il-Valur Miżjud li jammontaw għall-€7,015.68 u €15,456.72 rispettivament, liema taxxa fuq il-valur miżjud ma ġietx imħallsa.
L-Ispettur William Scicluna xehed li huwa kien tal-għassa fit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi meta ġie infurmat mill-Control Room tal-Forzi Armati li kmieni filgħodu kienu waqqfu dgħajsa bl-isem ta’ CHRISTIAN II viċin Hurds Bank, diversi mili ‘lbarra mill-ponta ta’ Birżebbuga. Ir-Rapid Deployment Platoon kienu intervjenew wara li rċevew informazzjoni kunfidenzjali dwar xi attività illegali li kienet qed isseħħ dak il-ħin u li kienet tikkonċerna dgħajsa li kienet qed iġġorr kwantità kbira ta’ sigaretti li kienu se jiddaħħlu l-art bil-kuntrabandu. Skont is-sors, kien hemm vapur ikbar li kien rema xi kaxxi l-baħar u kien hemm xi dgħajjes jiġbru l-affarijiet minn ġo l-baħar. Il-Forzi Armati waqqfu d-dgħajsa CHRISTIAN II u skortawha lejn il-Port il- Kbir. Irriżulta li abbord kien hemm 42 master cases konsistenti fi 30 kaxxa Business Royals u 12-il kaxxa American Legend ġo borża sewda, imgeżwrin fil-plastik. Abbord dik id-dgħajsa kien hemm żewġ persuni li kienu l-imputati. Huma ġew arrestati. Fuq il-post marru uffiċjali tad-Dwana li ħadu l-kaxxi tas- sigaretti. Waqt l-interrogazzjoni, Piero Di Bartolo stqarr li kien mar għas-sajd bħal ma kien jagħmel ta’ spiss u lemaħ xi kaxxi f’wiċċ il-baħar. Qal illi kien hemm żewġ dgħajjes oħra li bdew jiġbru l-kaxxi u hu beda jagħmel bħalhom.”
Mis-sentenza joħroġ li hu stqarr li dawk il-kaxxi kien ġabarhom b’kumbinazzjoni u ċaħad li kien jaf li kienu se jintremew minn fuq il-vapur kbir bl-isem ta’ ST JERNEBORG. Qal li kien irċieva telefonata anonima dwar ċertu persuna minn Ħal Qormi, magħruf bħala ‘l-Ġobon’ bl-isem ta’ Christopher Azzopardi, li allegatament kien bagħat lil Di Bartolo u lil Vella biex jiġbru dawk is-sigaretti. Iżda Di Bartolo dejjem baqa’ jiċħad li kien jaf x’se jiġri. Sussegwentement, kien hemm persuna li avviċinat lill-Pulizija u qalet li kienet rat is-sigaretti jiġu mormija minn fuq il-bastiment il-kbir, l-ST JERNEBORG, u d-dgħajsa CHRISTIAN II qiegħda viċin, tiġbor il-kaxxi. Trafford Vella wkoll dejjem ċaħad li kellu xi involviment u stqarr li l-kaxxi nstabu kumbinazzjoni. Qal li kien ħasibhom ċimi f’wiċċ il-baħar.
Is-surġent David Delia, membru tal-Forzi Armati ta’ Malta qal li kienu rċevew telefonata miċ-ċentru tal-operazzjonijiet tal-AFM sabiex jipproċedu għal tliet mili ‘l barra minn Żonqor fejn Hurds Bank sabiex ifittxu dgħajsa tas-sajd li kienet qed tagħmel ‘transhipment’ ta’ cargo minn fuq MV Sterneborg f’attività suspettuża. Spjega li meta waslu fil-post raw il-vapur, fittxew fiż-żona u raw id-dgħajsa tas-sajd inkwistjoni u waqqfuha. Kienet sejra fid-direzzjoni tal-port ta’ Marsaxlokk. Telgħu abbord u sabu l-iskipper Piero Di Bartolo u lil Trafford Vella. Tenna li immedjatament fuq il-gverta sabu tlieta u għoxrin kaxxa, miksijin bil-boroż tal-‘garbage’ li kienu mxarrbin. Meta staqsew lis-suspettati minn fejn kienu ġabuhom, qalulhom li oriġinarjament kienu ħarġu għas-sajd tal-lampuki, sabu dawk il-kaxxi mitluqin fil-baħar u ġabruhom:
Ikkonferma li fuq barra tal-boroż kienu mxarrbin iżda l-kaxxi fuq ġewwa kienu xotti. Ikkonferma wkoll illi abbord id-dgħajsa kien hemm biss dawk it-tnejn min-nies.
Gunner Jean Karl Felice, xehed li kien qiegħed fuq id-dinghy tal-AFM, il-PO3, flimkien ma’ tliet kollegi oħra. Kienu rċevew telefonata mill-Ops Room tagħhom sabiex javviċinaw lanċa, jagħmlu ‘verbal challenge’ u jibbordjaw.
Qal li “kif tlajna l-iskipper qalilna li kien qed jistad għal-lampuki u waqt li kien qed jistad iltaqa’ ma’ xi kaxxi tas-sigaretti u qalilna li għabbihom.”
Piero Di Bartolo xehed li ġurnata qabel l-inċident inkwistjoni kien ċempel lil Trafford Vella biex joħorġu jistadu peress li ra li t-temp kien bnazzi. Spjega li dak iż-żmien xogħlu ma kienx fuq il-baħar u d-dgħajsa kienet reġistrata bħala ‘leisure’ mhux għax-xogħol. Kienu ħarġu minn Birżebbuġa u marru ‘l barra mill-Jerma, il-ponta ta’ Marsaskala. Spjega li marru jfittxu l-kannizzati tal-lampuki fuq il-baħar biex imorru bir-rixa għal-lampuki. Imbagħad meta ħarġu ‘l barra, lemħu “koċċ dgħajjes iduru” u ħaseb li kien hemm xi kannizzata. Kienu parluzzi, dgħajjes żgħar, filwaqt li d-dgħajsa tiegħu kien fiha xi ħames metri. Qal li meta waslu fuq il-post sabu illi dawk id-dgħajjes kienu qegħdin jiġbru xi kaxxi minn fuq il-baħar. Tenna li “aħna għamilna bħalhom. Issa, peress li huma kienu żgħar ġabru li kellhom jiġbru u telqu ‘l ġewwa. U aħna ġbarna li kien hemm u ġejt lura.”
Jgħid li kien hemm xi ħames
jew sitt dgħajjes oħra jiġbru l-kaxxi
Di Bartolo qal li kien kien hemm xi ħames jew sitt dgħajjes separati li peress li kienu żgħar ġabru kaxxa jew tlieta. Għaraf lil wieħed minn wiċċu bħala persuna minn Marsaxlokk li kellu luzzu, imma ma kienx jaf min hu eżatt. Rigward il-kaxxi, qal li kienu marbutin bil-ħabel wara xulxin u mgħottijin bi xkora sewda tal-plastik. Kienu marbutin ħamsa ħamsa. Stqarr illi għalkemm kien ilu imur fuq il-baħar u qabel xogħlu kien fuq il-baħar, qatt ma kien iltaqa’ ma’ xi ħaġa bħal din. Ikkonferma li qatt ma kien ġabar xi affarijiet oħra qabel. Mistoqsi x’għadda minn rasu dakinhar, wieġeb: “ma nafx, jien għamilt bħalhom, ġbarthom, tfajthom ġo dgħajsa u mort ‘il ġewwa.”
Mis-sentenza toħroġ il-domandi fil-Qorti:
Il-Prosekuzzjoni: U ma ġietkomx kurżita` tgħabbu erbgħin kaxxa ġod-dgħajsa tagħkom u ma tafux x’intom tgħabbu?
Ix-xhud: Jiena biex ngħidlek il-verità bżajt. Issa għidtlu, nidħlu ‘lġewwa u niftħuh hemm ġew.
Prosekuzzjoni: Imma għaliex bżajt?
Ix-xhud: Ma nafx, ma nafx x’kien. Jien infatti għabbejt kif għamlu l-oħrajn, imma ma nafx x’fihom.
Prosekuzzjoni: Għax jekk xi ħaġa tibża minnha ma tagħmilhiex.
Ix-xhud: Iva, imma l-ewwel għabbejt, imbagħad, għidt aħajr nidħol ‘il ġewwa u forsi jkun hemm xi ħadd ieħor. Però ma rajthiex stramba dawn jiggalleġġaw hemm? Ma rajthiex stramba tara xi ħaġa tiggalleġġa- Iva, forsi jistgħu jkunu toys, jistgħu jkunu ħafna affarijiet.”
Ix-xhud: Pros: Kif għamlu l-oħrajn għamilna aħna.
Prosekuzzjoni: Jew hemm splussiv li forsi tista’ tkun….
Ix-xhud: Kif għamlu l-oħrajn, għamilt jien.
Il-Qorti qalet li ċertament dikjarazzjoni li la tagħmel sens u hi inveritjiera għall-aħħar! Iktar u iktar meta jinsisti li wara li tgħabbew il-kaxxi ma komplewx jistadu iżda telqu lura lejn l-art biex ineħħu dawk il-kaxxi u jara x’inhuma. Mistoqsi jekk kinux avżaw lit-turretta meta sabu dawk l-affarijiet, hu wieġeb illi ma kienx jaf li kellu jagħmel hekk:.
Il-Qorti qalet li wara li għarblet dawn it-testimonjanzi fl-isfond tal-verżjonijiet ta’ xhieda oħra, partikolarment tal-membri tal-armata involuti fl-operazzjoni, tosserva ċerti inkonsistenzi u dikjarazzjonijiet inverosimili li joħolqu dubju serju dwar jekk ix-xhieda tal-ko-imputati kellhiex mis-sewwa.
Intqal li l-Qorti tqis li d-dikjarazzjoni li l-kaxxi ġabruhom mill-baħar, m’għandhiex mis-sewwa. Qalet li kieku l-kaxxi kollha nġabru mill-ilma fejn, allegatament, kienu sabuhom jiggalleġġaw, kienu jkunu kollha nidjin jew imxarrbin, aktar u aktar meta huma stess kkonfermaw li meta kienu interċettati mill-membri tal-armata, ma kinux ilhom li ġabru dawk il-kaxxi!! Fil-fatt, Di Bartolo stqarr li malli għabbew il-kaxxi, telqu ‘l ġewwa u ma komplewx is-sajda. Di Bartolo qal: “kemm morna, ħriġna u dħalna.” Dan ifisser li kieku verament il-ġrajja seħħet kif irrakkontawha l-imputati, il-kaxxi kollha kellhom ikunu fi stat imxarrab u mhux biss dawk li nstabu fuq barra tal-lanċa. Dan l-istat ta’ fatt, li l-ebda wieħed mill-imputati ma ttenta jispjega, aktar isaħħaħ il-verżjoni tal-prosekuzzjoni, ċioe` illi l-kaxxi kienu intefgħu minn fuq vapur kbir għal fuq il-lanċa fejn l-imputati kienu lesti jistennew biex jilqgħuhom. Jidher li numru minnhom spiċċaw direttament fuq il-lanċa u qatt ma missew ma’ l-ilma. L-oħrajn, forsi bl-għaġġla biex l-operazzjoni ta’ trasbord titlesta malajr, intefgħu għal ġo l-baħar u nġabru mill-imputati għal ġod-dgħajsa. Il-fatt li kienu mxarrbin, bil-“qtar tal-ilma jiġifieri ma’ kullimkien” ikompli jsaħħaħ din it-teżi. Li kieku kienu ilhom fl-ilma, x’aktarx illi ma kinux ikunu fi stat ‘pulit’, kif iddeskrivihom wieħed mis-suldati, bil- kontenut tagħhom xott.
Kontra kull loġika li tiġbor kaxxi mingħajr
ma tkun taf x’fihom
Il-Qorti iddikjarat li huwa kontra kull loġika l-fatt li l-imputati ġabru 42 kaxxa mingħajr ma kienu jafu xejn dwar il-kontenut tagħhom! Dan aktar u aktar meta Di Bartolo ammetta illi qatt ma kien iltaqa’ ma’ xi ħaġa bħal din fl-esperjenza tiegħu fuq il-baħar. Huwa kontra kull buon sens li bniedem bi snin twal ta’ esperjenza bħal dik, jaqbad u jgħabbi 42 kaxxa mdaqqsa, kull waħda madwar żewġ piedi fid-daqs, mingħajr ma biss jgħaddilu minn moħħu l-periklu li seta’ joħloq għalih innifsu, għall-ekwipaġġ tiegħu kif ukoll għall-istess bastiment li kien fuqu.
Il-Qorti hi konvinta li dawn ir-riżultanzi proċesswali jindikaw li l-imputati kienu marru hemmhekk proprju bl-intiża li jiġbru dik il-merkanzija. Il-ħames imputazzjoni fil-konfront ta’ Di Bartolo waħdu
Is-sentenza tgħid li “prosekuzzjoni xliet lil Di Bartolo waħdu li ikkommetta reat ta’ natura volontarja wara kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti tal-Maġistrati fis-7 ta’ Frar, 2006 u talli naqas milli jħares xi waħda mill-kundizzjonijiet tal-Qorti. Madankollu, m’hemmx l-iċken prova in atti tad-digriet tal-Qorti li impona tali kundizzjonijiet u l-ebda prova oħra sabiex issostni din l-imputazzjoni.”
“Għaldaqstant, din l-imputazzjoni ma ġietx lanqas remotament ippruvata”, qalet il-Qorti.
Il-Qorti sabet lil Piero Di Bartolo ħati u kkundanatu sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ €221,072.04, b’terz tal-ammont jiġifieri €73,690.68 għandu jitqies bħala dejn ċivili u jitħallas lil Kummissarju tat-Taxxa u d-Dwana. Trafford Vella, instab ħati u ngħata sentejn priġunerija sospiżi għal erba’ snin.