Tuesday, January 27, 2026

Fir-raba’ kwart tal-2025 kien hemm żieda fil-vjaġġi, fil-vetturi u fil-passiġġieri li qasmu l-fliegu

Aqra wkoll

Bejn Ottubru u Diċembru 2025 saru total ta’ 11,829 vjaġġ, li ġarrew total ta’ 1,839,008 passiġġieri. Diċembru kien l-aktar xahar impenjattiv meta fih saru total ta’ 4,029 vjaġġ jew 34.1 fil-mija tal-vjaġġi kollha fʼdan il-perjodu.

Dan tħabbar minn statisika li ġiet ippubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).

It-trasport bil-baħar bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa kien hemm total ta’ 1,526,411-il passiġġier ivvjaġġaw bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa fir-rabaʼ kwart tal-2025, żieda ta’ 8.5 fil-mija meta mqabbel mal-istess tliet xhur tal-2024. 

L-NSO jirraporta li l-ogħla numru ta’ passiġġieri kien irreġistrat f’Ottubru — 573,413 jew 37.6 fil-mija tat-total għat-trimestru. Meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena ta’ qabel, l-għadd ta’ vetturi żdied bʼ4.5 fil-mija għal total ta’ 529,930.

Fir-rabaʼ kwart tas-sena, l-għadd ta’ vjaġġi laħaq id-9,142, li huwa żieda taʼ 0.9 fil-mija fuq l-istess żmien fl-2024. FʼOttubru kien irreġistrat l-ogħla numru ta’ vjaġġi — 3,118 jew 34.1 fil-mija tal-vjaġġi totali għat-trimestru.

Bejn Jannar u Diċembru 2025, fil-Ħdud u t-Tnejnijiet kien hemm l-aktar traffiku ta’ vetturi li oriġinaw mit-terminal tal-Imġarr, filwaqt li t-traffiku taʼ passiġġieri mill-istess naħa kien l-ogħla fil-Ħdud u s-Sibtijiet. Min-naħa taċ-Ċirkewwa, it-traffiku taʼ vetturi kien l-ogħla fil-jiem tal-Ġimgħa u s-Sibt, filwaqt li dak tal-passiġġieri kien l-ogħla fil-jiem tas-Sibt u l-Ġimgħa.

It-trasport bil-baħar bejn l-Imġarr u l-Belt Valletta

Matul ir-rabaʼ kwart tal-2025, saru total ta’ 2,687 vjaġġ li ġarrew total ta’ 312,597 passiġġier. Meta mqabbel mal-istess żmien fl-2024, l-għadd ta’ vjaġġi żdied bi 11.8 fil-mija, filwaqt li n-numru ta’ passiġġieri żdied bʼ25.6 fil-mija. Ix-xahar taʼ Diċembru rreġistra l-ogħla numru ta’ vjaġġi — 950 jew 35.4 fil-mija tat-total taʼ vjaġġi fir-rabaʼ kwart tas-sena, filwaqt li x-xahar tʼOttubru kellu l-ogħla numru ta’ passiġġieri — 125,770 jew 40.2 fil-mija — fl-istess perjodu.

Meta jingħaddu s-servizzi tal-Gozo Channel u tal-fast ferry flimkien, fl-2025 l-għadd taʼ vjaġġi telaʼ bʼ1,707 jew 3.8 fil-mija fuq is-sena taʼ qabel. It-trasport tal-vetturi bejn iż-żewġ gżejjer, sena għal sena, żdied bi 63,069 jew 3.0 fil-mija, filwaqt li l-għadd taʼ passiġġieri żdied bʼ511,306 jew 7.4 fil-mija. Fl-2025, ix-xahar taʼ Awwissu rreġistra l-ogħla għadd taʼ vjaġġi bʼ4,099 u l-ogħla għadd taʼ vetturi u passiġġieri, bʼ210,290 u 740,474 rispettivament.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport