Sunday, November 24, 2024

Fir-Renju Unit il-unions iridu temperatura massima ta’ 30°C fuq ix-xogħol

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Intant proposta mill-aktar interessanti ħarġet mit-Trade Union Congress (TUC) tar-Renju Unit. Dan jiġbor fih l-unions fir-Renju Unit. F’komunikat li ħarġu huma ddikjaraw li llum hemm evidenza li qed turi b’mod ċar ħafna li l-bidla fil-klima qed twassal biex il-mewġiet ta’ sħana ikunu itwal u aktar qawwija. Mhux hekk biss imma qed ikunu aktar frekwenti u aktar perikolużi. Huma qed jinsistu li fil-liġi Ingliża li tinkludi kemm għandha tkun it-temperatura massima aċċettata biex wieħed imur għax-xogħol.

Saħqu li “fir-Renju Unit, qegħdin nistennew lit-temperaturi jilħqu 32C gradi jew 90F. Inħarġet anke twissija mis-servizz meteoroloġiku. Quddiem dan it-Trade Union Congress (TUC) qed isejjaħ lil-gvern biex jintroduċi it-temperatura massima ta’ 30C għall-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol”.

It-TUC għamilha ċara li jekk il-ħaddiema mhumiex mistennija li jmorru għax-xogħol f’postijiet fejn it-temperatura tkun inqas minn 16C, jistennew li l-Gvern Ingliż għandu jkolli regoli ukoll għal meta l-postijiet tax-xogħol jintlaqtu minn mewġiet ta’ sħana jew li fihom ikun hemm sħana qawwija. 

Dehydration, bugħawwieġ, raxx, u anke sturdamenti

It-TUC qal li “ħaddiem li jaħdmu f’temperaturi għolja, jistgħu jispiċċaw ibatu minn dehydration, bugħawwieġ, raxx, u anke sturdament. F’xi każi xi ħaddiema anke jistgħu jispiċċaw jintilfu minn sensiehom. Ħaddiema li jaħdmu fuq barra għandhom riskju ta’ tlett darbiet aktar li jispiċċaw jiżvilluppaw kanċer tal-ġilda.

Hekk kif fir-Renju Unit it-temperaturi mistennija jilħqu it-32C, l-Aġenzija għas-Saħħa u Sigurtà ħarġet twissija. It-TUC qal li “m’hemm ebda liġi li titkellem dwar it-temperaturi massimi. Mill-banda l-oħra, waqt il-ħinijiet tax-xogħol, it-temperaturi fuq ġewwa fil-postijiet tax-xogħol għandhom ikunu raġonevoli.  Is-sidien tal-postijiet tax-xogħol għandhom l-obbligu li jaraw lit-temperaturi ikunu komdi għall-ħaddiema.”

It-TUC qiegħda tirrakkomanda li jkun hemm bidla fil-liġi u dan billi is-sidien ta’ postijiet tax-xogħol ikunu obbligati jnaqqsu t-temperaturi fil-postijiet tax-xogħol meta dawn jaqbu l-24C. Sejħu lill-Gvern biex jintroduċi temperatura massima għal ġewwa li tkun ta’ 30C jew inkella ta’ 27C għal dawk il-ħaddiema li jkunu fuq barra.

It-TUC qed jgħid li hekk kif il-bidla fil-klima qiegħda magħna u dan mistennija tkompli ġġib aktar mewġiet ta’sħana, iħoss li għandu jibda petizzjoni biex jiddaħħal il-massimu ta’ temperatura fuq il-postijiet tax-xogħol.

It-TUC qiegħed jissuġġerixxi ukoll lill-kumpaniji biex jaraw li l-impjegati jitħalew jilbsu ilbies aktar ħafif, jagħtu aktar ħin ta’ mistrieħ u fuq kollox jipprovdu ventilazzjoni tajba.

L-arja kundizzjonata ukoll iġġib l-isfidi tagħha

Intant jekk wieħed ikollu jara l-isfidi li ġġib magħha aktar użu ta’ arja kundizzjonata, wieħed isib li fis-sena 2018 l-Aġenzija tal-Enerġija Internazzjonali f’rapport li kienet ħarġet u li kien intitolat “Future of Cooling’, kienet qalet li hu stmat li d-domanda għall-enerġija mill-apparat tal-arja kundizzjonijiet hu mistennija li jitrippla sas-sena 2050.

Naraw per eżempju li l-“Electric Reliability Council’ ta’ Texas, talab li t-temperaturi ta’ ġewwa għandhom ikunu stabbiliti fil-livell ta’ 25C u dan biex jikkonserva l-enerġija.

Fil-Ġappun fejn jintuża ħafna l-apparat tal-arja kundizzjonata, il-Gvern minħabba problema marbuta mal-provvista u d-domanda, kien iddikjara perjodu ta’ tlett xhur fejn tiġi konservata l-enerġija u dan billi talab lin-nies jissettjaw l-apparat tal-arja kundizzjonata għal temperatura ta’ 27C.

Sport