F’każ li Bellfield jinstab ħati li qatilhom, isir wieħed mill-agħar serial killers fir-Renju Unit, responsabbli għal mill-inqas sitt każi ta’ qtil
Is-serial killer li qatel lit-tfajla Milly Dowler stqarr li qatel żewġ persuni oħra – omm u bint li ġew attakkati bil-martell fl-1996.
Levi Bellfield qal lil avukat fi stqarrija bil-miktub fejn isostni li qatel lil omm Lin u bint Megan Russell, kif ukoll li prova joqtol lil oħtha Josie.
It-tlieta li huma ġew attakkati bil-martell waqt li kienu sejrin lejn darhom wara attività li kienu attendew akkumpanjati bil-kelb tagħhom qrib Chillenden f’Kent aktar minn 25 sena ilu.
L-omm u bintha Megan, li kellha sitt snin, mietu iżda oħtha Josie, li kellha disa’ snin, baqgħet ħajja minkejja li sofriet ġrieħi serji f’moħħha.
Dwar dan il-każ, raġel ieħor bl-isem ta’ Michael Stone kien instab ħati tal-attakki minkejja l-ebda evidenza fiżika, iżda dejjem baqa’ jsostni l-innoċenza tiegħu. Huwa għadu l-ħabs fejn qed jiskonta sentenza, u issa qed tikber il-biża’ li seta’ kien vittma ta’ żball ta’ ġustizzja.
L-avukat ta’ Stone, Paul Bacon, qal lil “The Sun” li kien irċieva dikjarazzjoni ta’ erba’ paġni li fiha Bellfield stqarr li qatel lir-Russels, fejn ta dettalji ta’ dak li sostna li ġara.
F’din id-dikjarazzjoni, Bellfied qal: “L-ewwel intenzjoni tiegħi kienet li nattakka biss lil Lin, iżda malajr bdilt fehemti minħabba l-għajjat u kont inkwetat li se tattakka lura peress li t-tfal kienu magħha.”
Imma hu sostna wkoll: “Hija talbitni biex ma nagħmilx ħsara lil uliedha. Kienet kalma. Kieku bdiet twerżaq kont nattakkaha u nitlaq mingħajr ma nagħmel ħsara lit-tfal.” Huwa qal li mbagħad is-sitwazzjoni ma baqgħetx taħt kontroll u qal li attakka t-tlieta li huma u qatel il-kelb tagħhom.
Huwa żied jgħid li kien hemm demm ma’ kullimkien u li wara mar biex jaħsel id-demm li kellu fuqu u mar jaħdem bħala bouncer ġewwa nightclub.
L-avukat is-Sur Bacon qal: “Nista’ nikkonferma li rċevejt dikjarazzjoni ta’ erba’ paġni mingħand Bellfield, li hija konfessjoni ġenwina, u tista’ tiġi kkunsidrata bħala ‘breakthrough’. Issa se niltaqa’ mal-kollegi wara dan l-iżvilupp notevoli biex finalment, wara ħafna snin, nikseb il-libertà għal Michael Stone. Din hija l-evidenza li se turi li hu innoċenti.”
F’każ li Bellfield, ta’ 53 sena, jinstab ħati li qatel lir-Russels, isir wieħed mill-agħar serial killers tar-Renju Unit, responsabbli għal mill-inqas sitt każi ta’ qtil.
Is-Sur Bacon żied jgħid: “Naħseb ġenwinament li jekk il-pulizija jżuru lil Levi Bellfield fil-ħabs fejn jinsab, se jagħmel dikjarazzjoni sħiħa, u nemmen li jekk ikun akkużat iwieġeb ħati u l-kwistjoni tiġi solvuta.”